Il-PN favur ir-reklamazzjoni tal-art iżda mhux bħala soluzzjoni għall-iskart tal-kostruzzjoni
Jipproponi wkoll proposti li fi kliemu jistgħu jindirizzaw din l-isfida
minn Yendrick Cioffi
Il-Partit Nazzjonalista iddikjara li huwa favur ir-reklamazzjoni tal-art anke jekk saħaq li din mhux is-soluzzjoni għall-"kriżi" dwar l-iskart tal-kostruzzjoni.
Dan qalu l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent Jason Azzopardi waqt konferenza tal-aħbarijiet mal-Kandidat tal-PN għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Michael Briguglio u li matulha pproponew li titfassal strateġija nazzjonali dwar l-iskart mill-kostruzzjoni, liema stateġija tkun ibbażata fuq studji li jistħarrġu wkoll l-impatt ambjentali.
Tul il-konferenza huma saħqu li din l-istrateġija għandha ssir bis-sehem tal-istakeholders kollha waqt li saħqu li ma għandhiex tittieħed deċiżjoni mgħaġġla mill-Ministru jew "issir reklamazzjoni tal-art mingħajr ma jiġi studjat l-impatt li din jista' jkollha fuq il-fawna, il-baħar u l-inħawi tal-madwar."
Fost oħrajn, il-PN qiegħed jagħmel dawn il-proposti biex fi kliemu tiġi indirizzata l-isfida tal-iskart tal-kostruzzjoni:
- Għandhom jinħolqu aktar skemi ġodda li jibqgħu jinċentivaw il-konservazzjoni u r-restawr tal-bini diġà eżistenti.
- Aktar skemi u sussidji biex flok twaqqigħ tal-bini jitfasslu metodi fejn jittieħed materjal li jista' jerġa' jintuża billi jiġi rriċiklat għall-iskop tal-bini.
- Tinbena faċilità nazzjonali minn fejn il-materjal mill-iskart tal-kostruzzjoni jintgħażel u jerġa' jinbiegħ mingħajr piż fuq l-iżviluppaturi.
- Inċentivi u skemi biex aktar ġebel u materjal ieħor tal-kostruzzjoni mill-bini li jitwaqqa' u djar antiki, jiġi maħżun għall-iskop ta' restawr u l-bini ta' djar oħra.
- Jitfasslu skemi sabiex ssir reconstituted stone li tista' tiġi wkoll esportata.
- Allokazzjoni akbar ta' fondi tal-Unjoni Ewropea biex tindirizzata l-problema tal-iskart mill-kostruzzjoni.
- Skemi għall-ħarsien tal-ambjent tal-madwar taż-żoni tal-kostruzzjoni.
Tul il-konferenza, Azzopardi insista li din il-kriżi nħolqot għax skontu dan huwa każ ieħor fejn il-Gvern ma ppjanax
Min-naħa tiegħu, Briguglio qal li dawn id-diffikultajiet qed joħolqu riperkussjonijiet ta' inċertezza u instabilità kemm fuq l-ispejjez tal-kuntratturi kif ukoll fuq il-prezz tal-proprjetà li qed tinbena.
“Minflok ħareġ bi pjan sostenibbli għat-tul u s-snin li ġejjin, baqa' ma għamel xejn u għal din il-problema se jispiċċaw jerġgħu jbatu n-nies,” qal Briguglio.
'Pass 'il quddiem għax dan ifisser li jeżisti kunsens wiesgħa' - PL
Fi stqarrija, il-Partit Laburista saħaq li l-fatt li l-Partit Nazzjonalista huwa favur il-kunċett ta’ reklamazzjoni tal-art ifisser li fil-pajjiż jeżisti kunsens wiesgħa dwar kwistjoni "tal-ikbar importanza."
"Wieħed issa jittama li meta l-pajjiż ikun jeħtieġlu jiddiskuti x’inhuma l-passi li jmiss biex isiru proġetti ta’ dan it-tip, il-Partit Nazzjonalista jipparteċipa b’mod kostruttiv u propożittiv," insista l-Partit Laburista.
L-istqarrija fakkret li l-Partit Nazzjonalista għażel " li joqgħod gallarija" kull meta kien mistieden jikkontribwixxi għad-diskussjoni dwar l-isfida tal-iskart
'Wieħed jittama li issa l-attitudni tkun differenti," temm jgħid il-PL