Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-attakk ta’ hacking fuq is-sistemi tal-Bank of Valletta oriġina minn barra l-pajjiż u dan wara li €13-il miljun ġew trasferiti barra mill-bank f'tranżazzjonijiet foloz.
Waqt stqarrija ministerjali fil-Parlament, il-Prim Ministru qal li l-Bank of Valletta kien infurmat minn networks internazzjonali tas-sigurtà b’dan l-attakk u fi żmien nofsiegħa waqqaf il-pagamenti internazzjonali li kienu saru lejn banek fir-Renju Unit, l-Istati Uniti, ir-Repubblika Ċekja u Hong Kong.
Kompla jispjega li sar ukoll kuntatt ma’ banek internazzjonali oħra biex jiġu reversed pagamenti li setgħu kienu diġà saru.
Huwa qal li bħalissa għaddej eżami fuq is-sistemi kollha tal-bank, bil-għan, li fi żmien qasir, l-operat kollu jirritorna għan-normal.
Il-Prim Ministru kompla jgħid li kien assigurat mill-awtoritajiet tal-bank li d-depositi u l-kontijiet kollha tal-klijenti, inkluż in-negozji huma siguri u li r-regolatur infurmah ukoll li banek oħra ma rrappurtaw l-ebda tip ta’ attakk.
“Għamiltha ċara mal-bank biex jgħaġġel dan il-proċess u jerġa’ jibda jopera, iżda insistejt li l-prijorità għandha tkun li l-flus tan-nies jibqgħu protetti,” saħaq il-Prim Ministru.
Kompla jisħaq li l-Gvern qed jagħti l-appoġġ kollu tiegħu lill-bank kif jagħti lill-istituzzjonijiet kollha tal-pajjiż.
"Il-Gvern informa lil National Cyber Security Committee u skatta mekkaniżmu li permezz tiegħu esperti mqabbda mill-istess sistema daħlu biex jgħinu lil esperti tal-Bank of Valletta," kompla Muscat.
Il-Prim Ministru kkonkluda billi qal li saru arranġamenti mal-Bank Ċentrali u entitajiet oħra biex isiru arranġamenti alternattivi, fosthom dwar pagamenti tas-servizzi soċjali u pagamenti ta’ persuni li jinsabu imsefrin.
Il-Pulizija qed tinvestiga u nfetħet ukoll inkjesta maġisterjali.
Aqra aktar dwar dan il-każ billi tagħfas hawn.