Aġġornata | Il-klijenti tal-BOV jistgħu jerġgħu jagħmlu użu mis-servizzi tal-bank

Is-sistemi reġgħu bdew jaħdmu matul il-lejl li għadda u dan wara li tlestew it-testijiet neċessarji wara l-attakk ta' hacking tal-bieraħ

Il-klijent tal-Bank of Valletta jistgħu jerġgħu jagħmlu użu mis-servizzi tal-bank hekk kif matul il-lejl li għadda, il-bank kompla b’uħud mis-servizzi tiegħu.

Ilbieraħ, il-bank spiċċa staġnat wara attakk ta’ hacking fuq is-sistemi tal-bank li oriġina minn barra l-pajjiż u dan wara li €13-il miljun ġew trasferiti barra mill-bank f'tranżazzjonijiet foloz.

Wara li saru diversi testijiet fuq is-sistemi tal-bank, irriżulta li dawn jistgħu jerġħu jibdew jaħdmu bla periklu, bil-klijenti jistgħu jinqdew fil-fergħat, jużaw l-ATMs, jagħmlu użu mill-Internet Banking u anke jixtru permezz tal-cards.

Trasferimenti ta’ flus lil terzi hija l-uniku sistema li għalissa għadha mhux taħdem.

Il-bank, fi stqarrija oħra, reġa’ assigura lill-klijenti tiegħu li d-depositi u l-kontijiet kollha tagħhom ma kinux affettwati minn dan l-attakk.

L-istqarrija tfakkar lill-klijenti biex joqgħodu attenti jekk jintalbu jingħataw dettalji personali njew tal-bank. Saħaq li l-bank qatt ma jitlob dettalji simili permezz tal-midja soċjali, imejls jew telephones.

Min jirċievi talbiet simili għandu jikkuntatja direttament lill-bank fuq 21312020.

Stqarrija mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali

Fi stqarrija, id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali serraħ ras il-benefiċjari li nhar is-Sibt 16 ta’ Frar 2019 imisshom jirċievu pagamenti ta’ benefiċċji li normalment jidħlu f’kontijiet bankarji tal-Bank of Valletta, dawn il-pagamenti se jsiru normali bħas-soltu.

Dawn il-benefiċjarji għalhekk se jsibu dawn il-pagamenti fil-kontijiet rispettivi tagħhom fl-istess bank bħalma jiġri dejjem.

More in Politika