Liġi ġdida li tgħin aktar lin-negozji żgħar li jużaw servizzi onlajn

Francis Zammit Dimech kien ir-Rapporter u mexxa n-negozjati f’isem il-Kumitat tal-Affarijiet Legali

Kmieni l-Ħamis filgħodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-UE laħqu ftehim politiku fuq liġi ġdida li tassigura ambjent online li jkun aktar ġust u trasparenti għan-negozji li jużaw il-pjattaformi onlajn biex jilħqu lill-konsumaturi.

L-Ewroparlamentari Malti, Francis Zammit Dimech kien ir-Rapporter u mexxa n-negozjati f’isem il-Kumitat tal-Affarijiet Legali, li flimkien mal-Kumitat tas-Suq Intern u l-Protezzjoni tal-Konsumatur kien responsabbli li jirrappreżenta l-Parlament Ewropew waqt in-negozjati.

Din il-liġi tipprovdi wkoll diversi salvagwardji għall-SMEs, inkluż id-dritt li wieħed ikun infurmat jekk ikun hemm bidliet fit-termini u l-kundizzjonijiet tal-pjattaformi, kif ukoll il-possibilità li jiġi tterminat ftehim mingħajr ebda ħlas jekk ikunu saru bidliet mill-pjattaforma li jkunu ta’ detriment għan-negozji.

Il-liġi ssaħħaħ ukoll is-sistema li tieħu ħsieb l-ilmenti interni, u li se twassal għal trattament ugwali tan-negozji mingħajr effetti ħżiena fuq in-negozji li jużaw is-sistema.

Fil-kummenti tiegħu, Zammit Dimech qal li dan hu pass importanti għall-SMEs Maltin, għaliex jagħti protezzjoni mill-ġganti l-kbar u jassigura kompetizzjoni ġusta online.

Saħaq li simili għal xejriet fl-UE, il-pjattaformi online f’Malta qed jiżdiedu u dan jenfasizza l-importanza ta’ din il-liġi.

Qal li  sa din il-ġimgħa stess, sidien ta’ ħwienet li jbiegħu anke online kellmuh dwar prattiċi inġusti. Temm jgħid li l-liġi se tipprovdi ċertezza legali għal ambjent ta’ negozju online li jkun sostenibbli

More in Politika