Il-Partit Demkratiku laqa’ s-sospensjoni tal-applikazzjoni biex in-numru tal-gaġeġ tat-tonn fis-sit temporanju li hemm ‘il barra mis-Sikka l-Bajda, San Pawl il-Baħar, jirdoppja għal 24.
Fi stqarrija, il-PF laqa’ d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar u dan wara l-intervent fil-Parlament nhar it-Tnejn li għadda tal-Kap tal-PD Godfrey Farrugia.
Jidher li dan il-proċess twaqqaf wara l-allegazzjonijiet riċenti indirizzati dwar id-Direttur Ġenerali tas-Sajd.
“Il-prinċipji ta’ l-aqwa prattiċi biex inħarsu u nsostnu l-ambjent marin tagħna, speċjalment fir-rigward tal-industrija multi-miljunarja tal-gaġeġ tat-tonn ilhom ma jinżammu sew minn dan il-gvern mill-2016,” saħaq il-PD.
Kompla jgħid li hu tkellem ċar u tond kemm fil-plenarja tal-Parlament kif ukoll fil-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent u Żvilupp dwar dak li fi kliemu kien qed jinħema minn taħt u fakkar li kien talab lis-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri biex jassumi responsabbiltà u jirriżenja
“L-Awditur Ġenerali fir-rapport tal-2018 kien ukoll iddeplora n-nuqqasijiet u l-ineffiċjenza fil-ħarsien tal-ambjent marin tagħna,” saħaq Farrugia.
Min-naħa tagħha, il-Kandidat għall-Ewropa Camilla Appelgren qalet li hija verament stramba kif l-Awtorità tal-Ambjent (ERA) qabbdet id-ditta HID (l-istess waħda mqabbda mis-sajjieda tat-tonn) biex tagħmel Environmental Impact Assessment biex il-biomassa tat-tonn tiżdied minn 2,400 tonnellata għal 3,300 tonnellata, u issa sar magħruf li l-kapaċità żdiedet għal 5,000 tunnellata.
Filwaqt li l-istqarrija insistiet li l-PD huwa favur għajnuna lill-industrija tal-akkwakultura, saħaq li d-Dipartiment tas-Sajd għandu:
- Jintroduċi regoli aktar stretti u monitoraġġ fuq il-post;
- Jikkonsolida x-xenarju preżenti tal-gaġeġ tat-tonn fil-framework tal-Istrateġija Nazzjonali tal-Akkwakultura qabel ma jiġu proċessati aktar applikazzjonijiet; u
- biex il-kwoti/biomassa ta’ tunnellaġġ ma jiżdiedux sakemm l-effetti negattivi tal-gaġeġ jiġu studjati sew, ikkontrollati u mnaqqsin sew.