Il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali ffirma ftehim mal-Caritas b’finanzjament totali ta’ ftit inqas minn €4 miljun ewro fuq perjodu ta’ tliet snin.
Minn dawn kważi €2 miljun se jkunu investiti fuq servizzi residenzjali u aktar minn €1 miljun fuq servizzi fil-komunità u t-terapija.
Dan il-ftehim kien konkluż fil-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana fil-preżenza tal-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon.
Il-Ministru Falzon qal li dan il-ftehim, se jsaħħaħ il-livell ta’ servizz offrut mill-Caritas lill-vittmi tad-droga biex joħorġu mill-vizzji.
Il-Ministru qal li l-gvern jinsab kommess li jkompli jassisti u jipprovdi programmi residenzjali lil dawk li jkunu spiċċaw vittmi tad-droga filwaqt li jsewgu programmi ħolistiċi li jinkludu rapport psikoloġiku, terapewtiku u soċjali.
Il-Ministru Falzon qal li mill-baġit ta’ €12-il miljun li dan il-ministeru għandu fir-rigward ta’ ftehimiet bħal dawn għal din is-sena (2019), ftit aktar minn nofshom se jgħinu entitatijet marbutin mal-Knisja jew tal-Knisja direttament.
Min-naħa tiegħu d-Direttur tal-Caritas Anthony Ellul qal li matul l-2018 il-Caritas għenet 700 klijent bi problema ta’ droga kif ukoll 500 persuna oħra li huma familjari ta’ dawn il-persuni. Qal li dan il-ftehim se jkompli joffri servizz aħjar lill-klijenti u lill-familji tagħhom.