Sptar ġdid privat se jiftaħ f'Ħal Tarxien minn Ġunju li ġej

L-Isptar il-ġdid St. James sar b’investiment ta’ €15-il miljun u se jkun qed joffri diversi servizzi u kura innovattiva.

Ritratti | James Bianchi
Ritratti | James Bianchi

F’Ġunju li ġej se jkun qed jinfetaħ sptar ieħor privat, din id-darba f’Ħal Tarxien.

L-isptar ġdid tas-St. James sar b’investiment ta’ €15-il miljun u se jkun qed jieħu post faċilita oħra antika ta’ din il-kumpanija medika f’Ħaż-Żabbar filwaqt li se jkun qed jestenti wkoll is-servizzi offruti.

L-isptar, se jkun qed jinkludi 23 kamra tal-out-patient, 24 kamra għall-pazjenti li jkunu rikoverati f’dan l-isptar u tliet swali tal-operazzjonijiet.

Fost oħrajn, se jkun jinkludi wkoll dipartiment tar-radjoloġija, Taqsima għall-Kura Medika Immedjata, klinika dentali, dipartiment tal-fiżjoterapija, faċilita għall-operazzjonijiet kożmetiċi u anke spiżerija fost oħrajn.

Waqt żjara li d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne għamel lil dan l-isptar, iċ-Chairperson tas-St James Hospital Group qal li l-ħolma tiegħu dejjem kienet li jibni sptar fin-nofsinhar tal-pajjiż biex jagħti xi ħaġa lura lil dan ir-reġjun.

Huwa qal li l-isptar f’Ħaż-Żabbar sar limitat u s-servizzi ma setgħux ikunu estiżi u kien għalhekk li nħasset il-ħtieġa li jinbena sptar akbar.

Meta beda jinbena dan l-isptar, ix-xogħlijiet kellhom jiefqu għal sentejn wara li ntsabu għadd ta’ oqbra puniċi.

Muscat insista li l-isptar inbena f’żona sabiħa u mdawwar b’għelieqi u n-natura bil-għan li l-pazjenti ma jassoċjawx biss dan l-isptar mal-mard.

More in Politika