Ftit li xejn entużjażmu għall-metro mill-Ministeru ta’ Ian Borg
Il-gazzetta ILLUM tistaqsi lill-Ministeru għat-Trasport dwar jekk hux se jikkunsidra l-proposta tal-Perit Konrad Xuereb biex il-mina bejn Malta u Għawdex tkun parti minn sistema akbar tat-trasport tal-massa. Ir-risposta ma tantx tkun ta’ wisq entużjażmu...
minn Yendrick Cioffi
Il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali qal mal-gazzetta ILLUM li l-aktar mezz ta’ trasport li jista’ jkun effiċjenti u sostenibbli għall-mina bejn Malta u Għawdex huwa t-trasport pubbliku b’tal-linja.
Wara li din il-gazzetta tkellmet fid-dettall mal-Perit u l-Inġinier strutturali Konrad Xuereb li qed jipproponi sistema ta’ metro taħt l-art li tkun estiża wkoll għal Għawdex, staqsiet lill-Ministeru responsabbli mit-trasport jekk hux se jkun qed jikkunsidra din il-proposta li fl-aħħar jiem qajmet diskussjoni u interess fuq il-midja soċjali.
Fit-tweġiba tiegħu, il-Ministeru għażel li jiffoka fuq il-mina bejn Malta u Għawdex u insista li filwaqt li l-Gvern mhux qed jiskarta l-proposta ta’ sistema ta’ metro jibqa’ tal-opinjoni li tal-linja tibqa’ l-aktar mezz ta’ trasport effiċjenti u sostennibbli.
Fil-fatt, fakkar f’dak li ħabbar il-Prim Ministru Joseph Muscat nhar il-Ħadd li għadda meta qal li t-trasport pubbliku li se jgħaqqad lil Malta u Għawdex bil-mina se jkun b’xejn.
Fl-istess diskors, Muscat spjega kif qed ikun eżaminat servizz ta’ trasport pubbliku b’xejn minn Għawdex, li mhux sempliċiment jaqsam il-mina iżda li jibqa’ sejjer lejn destinazzjonijiet strateġiċi, bħall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u l-Isptar Mater Dei bl-għan li inqas nies jużaw il-karozza privata tagħhom.
Madanakollu, l-istess Ministeru ma weġibx mistoqsijiet oħra ta’ din il-gazzetta meta staqsiet x’kienet ir-reazzjoni tal-Ministeru għall-proposta tal-Perit Xuereb, jekk sarx jew jekk hux se jsir kuntatt miegħu biex jispjega aħjar din il-proposta u jekk studjax possibbilitajiet biex f’Malta jkun hawn sistema ta’ trasport tal-massa permezz ta’ metro.
Fit-tweġiba tiegħu, il-Ministeru għażel li jfakkar fil-fatt li x-xogħol tal-ippjanar għall-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex ilu għaddej sentejn u li qed javvanza b’ritmu mgħaġġel.
Waqt li insista li dan se jkun qiegħed jindirizza d-diffikultajiet tal-Għawdxin u l-isfidi li jridu jiffaċċjaw biex jinżlu Malta, qal ukoll li “l-benefiċċji ta’ dan il-proġett huma evidenti hekk kif wieħed irid jikkunsidra l-impatti pożittivi ekonomiċi u soċjali li tali investiment ser iħalli fuq l-Għawdxin.”
Il-PM jgħid li l-Gvern qed jeżamina sistema ta’ metro għall-mina, imma…
Madanakollu, fl-istess diskors tal-Ħadd li għadda, il-Prim Ministru qal li l-proposta ta’ metro għall-mina bejn Malta u Għawdex interessatu u qal li l-Gvern qiegħed jikkunsidraha, anke jekk mal-gazzetta oħt MaltaToday, il-Ministeru għat-Trasport mhux biss kien eskluda li l-mina bejn il-gżejjer tkun ristretta għal sistema ta’ trasport pubbliku biss iżda anke kien ta x’jifhem li jkun impossibbli li din tkun integrata f’sistema nazzjonali ta’ metro taħt l-art.
Anke jekk qal li l-Gvern qed jikkunsidraha, il-Prim Ministru insista li biex sistema ta’ metro f’Għawdex tkun vijabbli, trid tiżdied ħafna l-popolazzjoni tal-gżira. Kien għalhekk li saħaq li ma jagħmilx sens li jkun hawn min jikkritika l-fatt li bil-mina se jiżdiedu l-karozzi f’Għawdex imbagħad ikun favur sistema ta’ metro li biex tkun vijabbli trid tiżdied il-popolazzjoni Għawdxija u allura jiżdied il-bini.
“Ma rridux sistema li biha lill-pajjiż u lill-Għawdxin tgħabbihom b’piż li ma jifilħux,” saħaq il-Prim Ministru. “Aħna rridu sistema li tkun vijabbli u l-mina li għandna f’moħħna hija vijabbli ekonomikament u ma titfax il-piż fuq il-poplu.”
Huwa u jitkellem dwar sistema ta’ trasport tal-massa f’Malta, il-Prim Ministru qal li mhuwiex sigriet li l-Gvern qed jeżamina u jistudja sistemi ta’ trasport tal-massa, kemm taħt l-art u fuq l-art, kif wiegħed li se jagħmel fil-manifest elettorali tiegħu.
Madanakollu huwa insista li ma jistax ikun li biex issir sistema tat-trasport tal-massa, jieqaf xogħol ieħor infrastrutturali fit-toroq.
“Biex għamilna mina ilna ħames snin nistudjaw. Immaġinaw biex tgħaqqad pajjiż kollu bil-mini,” qal Muscat. “Huwa proġett ta’ kwart ta’ seklu. Ma naffordjawx li nħallu t-toroq mitluqin kif inhuma.”
X’nafu sa issa dwar il-mina?
Ix-xahar li għadda, Infrastructure Malta rċeviet 7 offerti, b’valur medju ta’ €10.5 miljun, biex ikun iffurmat tim ta’ esperti biex jippjanaw u jwettqu l-iżvilupp tal-mina bejn Malta u Għawdex.
Intant, fix-xhur li ġejjin, se tkun qed tinħareġ sejħa internazzjonali biex jintgħażlu l-kuntratturi li se jħaffru, jibnu u joperaw il-mina, toħroġ fix-xhur li ġejjin.
Minn informazzjoni li kien ta l-Ministru għat-Trasport, f’April tas-sena li għaddiet, il-mina se tkun twila madwar 13-il kilometru min-Nadur għall-inħawi tal-Manikata u l-Imbordin.
Il-mina x’aktarx li se tkun 500 metru wiesgħa, se jkollha karreġġjata fuq kull naħa u tista’ tilqa’ sa 6,500 vettura kuljum.
X’qiegħed jipproponi l-Perit Konrad Xuereb?
F’intervista ppubblikata fuq il-gazzetta ILLUM bħal-lum ġimgħa, il-Perit Xuereb, li fost proġetti oħra ħadem fuq bini ta’ pontijiet pedonali f’diversi bliet Ewropej u anke kien involut fuq sistemi ta’ metro f’Londra, saħaq li l-konnessjoni li għandu jkun hemm għal Għawdex għandha tkun estensjoni ta’ sistema ta’ trasport tal-massa li fi kliemu hawn bżonn f’Malta wkoll.
Fil-fatt, il-Perit Xuereb mhux qed jgħid li kulma sar sa issa dwar il-mina bejn Malta u Għawdex għandu jingħata l-ġenb, iżda qed jipproponi li din il-mina ma ssirx f’iżolament iżda tkun parti minn sistema nazzjonali ta’ trasport tal-massa.
Fi ftit kliem, il-Perit qiegħed jipproponi sistema ta’ metro li tkun kollha kemm hi taħt l-art u li tkun maqsuma fi tliet rotot. L-ewwel rotta tgħaqqad il-Mellieħa mal-Ajruport billi ddur mal-kosta biex tgħaddi minn postijiet strateġiċi fosthom Mater Dei, l-Università u l-Belt, it-tieni rotta tkun tgħaqqad l-Ajruport ma’ San Pawl il-Baħar billi tgħaddi minn Ħal Qormi, Birkirkara, Ħal Lija u l-Mosta u rotta oħra li mill-Mellieħa tibqa’ sejra lejn Għawdex b’waqfiet ix-Xewkija, ir-Rabat u Marsalforn.
Skont il-Perit Xuereb, vjaġġ mill-Ajruport sa Għawdex ikun jieħu madwar 35 minuta.
“Il-mina bejn il-gżejjer tindirizza l-problema tal-Għawdxin. Aħna ħriġna din il-proposta għax nemmnu li flok insolvu problema waħda f’iżolament, is-soluzzjoni għandha tindirizza l-problema aktar wiesgħa tat-trasport f’Malta,” saħaq il-Perit Xuereb waqt li insista li Malta għandha bżonn soluzzjonijiet li jħarsu fit-tul.
Għal aktar dettalji dwar din il-proposta żur is-sit illum.com.m