'Rażżan l-eċċessi tal-industrija tal-kostruzzjoni' - Alternattiva Demokratika

'Mhuwiex aċċettabbli li soċjetà moderna tippermetti li jitħaddnu prattiċi li jistgħu jkun ikkunsidrati bhala skjavitu modern'

Alternattiva Demokratika esprimiet il-preokupazzjoni tagħha għal dawk li sejħet bħala "eċċessi"  fil-ħruġ tal-permessi ta’ żvilupp mill-Awtorita’ tal-Ippjanar qed iwassalu għal diversi problemi addizzjonali fosthom li qed ikollhom jiġu “impurtati” diversi ħaddiema.

"Napprezzaw il-fatt li l-Gvern qed jassigura, tal-anqas, il-kundizzjonijiet minimi ta’ mpjieg għal dawn il-ħaddiema, iżda dan mhux biżżejjed. Nifmhu wkoll li bl-avvanzi fl-edukazzjoni n-numru ta’ ħaddiema fl-industrija tal-kostruzzjoni, speċjalment dawk b’ħiliet bażiċi, qed jonqsu. Għaldaqstant il-Gvern bil-politika tiegħu għandu jieħu l-okkażjoni biex irażżan l-eċċessi ta’ din l-industrija u jnaqqas d-dipendenza ekonomika tal-pajjiż fuqha."  Dan qalu ċ-Chairperson ta’ AD, Carmel Cacopardo li sostna wkoll kif huwa ċar x’qed jiġri.

"Id-db, per eżempju, wara li ħadu art pubblika bil-karawett, issa jridu jnaqqsu kemm jistgħu l-ispiza tal-kostruzzjoni u b’hekk ikabbru l-profitti.”

Anna Azzopardi, kelliema dwar il-qasam soċjali qalet li bħala pajjiż Ewropew, l-Gvern Malti għandu jassigura li kull ħaddiem f’Malta jgħix f’kundizzjoni xierqa u dinjitużi.

"Fil-verità, f’Malta minn xi żmien daħlet id-drawwa illi f'appartamenti jgħixu iktar nies milli huwa umanament diċenti. Hemm bżonn urġenti ta’ standards dwar ‘multiple occupancy’ ta’ postijiet residenzjali. Ir-realta’ ukoll hija li b’paga minima u anke b’paga medja l-prezzijiet tal-kirjiet mhux affordabbli. Ma jagħmilx sens li jinġabu ħaddiema barranin b’paga minima meta lanqas ħaddiema residenti Malta, inkluż il-Maltin li m’għandhomx propjeta’, ma jifilħu iħallsu għal akkomodazzjoni diċenti.”

“Qegħdin f'sitwazzjoni li tiskuża u tippermetti li jiġu mħaddma nies barranin b'kundizzjonijiet mhux diċenti. Mhuwiex aċċettabbli li soċjetà moderna tippermetti li jitħaddnu prattiċi li jistgħu jkun ikkunsidrati bhala skjavitu modern. Din hija raġuni oħra għaliex huwa importanti li tiġi eżaminatha b'mod urġenti l-paga minima kif ilha tinsisti Alternattiva Demokratika. Il-paga minima għandha tkun verament living wage.”

 

More in Politika