Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna akkuża lil Ewroparlamentari li bbuljaw lil Malta fl-aħħar snin waqt li insista li ma jiddejjaq xejn jgħid dan.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru qal li kollox beda fl-2013 meta l-Kumitat TAX3 iltaqa’ biex jiddiskuti każijiet ta’ reati finanzjarji u ħasil ta’ flus. Fi kliemu, ċertu MEPs Maltin għawġu l-fatti u kien dan li wassal lil dan il-kumitat f’Malta.
"Wara li l-Oppożizzjoni tgħid dak li għandha tgħid u wara li l-midja tippubblika l-istejjer tagħha, fl-aħħar nett rapporti finanzjarji indipendenti jipprovdu l-fatti," qal il-Ministru, waqt li rrefera għal rapport riċenti tal-Fond Monetarju Internazzjonali li fost oħrajn tkellem dwar l-istabbilità finanzjarja f’Malta.
Dan ir-rapport, filwaqt li s-saħaq li s-settur bankarju f’Malta huwa wieħed b’saħħtu, iwissi li l-prezzijiet tal-propjetà u anke d-djun mal-banek fuq proprjetajiet, qed ipoġġu riskju fuq is-sistema finanzjarja tal-pajjiż.
Waqt il-konferenza, indirizzata wkoll mis-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji Silvio Schmebri, il-Ministru Scicluna tkellem dwar dak li kkonkluda r-rapport, partikolarment għal mod kif faħħar miżuri tal-Gvern Malti li għenu t-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tax-xogħol.
Filwaqt li r-rapport jindirizza wkoll sfidi, il-Ministru insista li l-Gvern digà tkellem dwarhom u beda jindirizzahom fil-baġits preċedenti, b’mod partikolari fejn jidħol is-settur tal-housing, l-infrastruttura.
“Huwa ovvju li l-housing u l-prezzijiet tal-kera huma ta’ tħassib, kieku l-Gvern ma kienx se jalloka miljuni għall-housing soċjali,” insista s-Segretarju Parlamentari Schembri.
Kompla jfakkar li dan ir-rapport intalab mill-Gvern Malti fl-2018 wara li l-esperti tal-IMF żaru Malta f’Settembru li għadda.
“Mhux se nitolbu għat-tabib jekk kollox huwa tajjeb. Għalxejn nikbru jekk l-ekonomija ma tmurx għand in-nies. Wasalna? U żgur li le. Għalhekk tlabna għar-rapport,” kompla Schembri.
Qal ukoll li qabel ħarġu dawn ir-rakkomandazzjonijiet, il-Gvern kien diġà addotta ċertu miżuri u fost dawn semma li l-baġit allokat għall-Awtorità Maltija tas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) ma għadux ikun stabbilit mill-Ministeru għall-Finanzi imma minn kumitat magħmul minn membri tal-Oppożizzjoni u tal-Gvern.
Kien hawn li fakkar li din is-sena biss, l-MFSA rat żieda ta’ €9 miljun fil-baġit allokat lilha waqt li insista wkoll li din l-awtorità issa għandha aktar libertà biex tagħżel il-ħaddiema li jkollha bżonn indipendentament mill-Gvern.
“Ir-rapport tal-IMF tal-2013 kien saħaq li l-ħasil tal-flus għandu jkun indirizzat bi 17-il miżura. Fl-aħħar rapport, dawn niżlu għal sitta,” temm jgħid Silvio Schembri.