'L-awtoritajiet determinati li jżommu l-policy attwali tal-pompi tal-petrol' - Ħdax-il NGO

Ħdax-il NGO jingħaqdu fi stqarrija jappellaw lill-Awtorità tal-Ippjanar biex minnufih taġġorna l-policy dwar il-pompi tal-petrol

Ħdax il-NGO ngħaqdu fi stqarrija jappellaw lill-Awtorità tal-Ippjanar biex minnufih taġġorna l-policy dwar il-pompi tal-petrol u biex juru t-tħassib tagħhom għal kummenti li fi kliemhom jindikaw li, meta tiġi reveduta, il-policy l-ġdida xorta se tippermetti l-pompi tal-petrol f’ODZ.

L-NGOs fakkru li għaddew sena u xahrejn minn meta ġie mwiegħed mill-awtoritajiet li din il-politika se tkun riveduta iżda issa ma nstema’ xejn dwarha.

“Minkejja sejħiet kontinwi minn ċittadini, NGOs u l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) biex titneħħa l-possibiltà ta’ pompi tal-petrol ODZ, l-awtoritajiet jidhru determinati li jżommuha,” tkompli l-istqarrija waqt li fakkret li r-rakkomandazzjonijiet tal-ERA, mitluba direttament mill-Ministeru tal-Ambent, jiddikjaraw b’mod ċar li: “Siti ODZ m’għandhomx ikunu meqjusa bħala siti potenzjali għal pompi tal-petrol ġodda jew rilokati”.

“Aħna naqblu li pompi tal-petrol għandhom jitneħħew minn ċentri urbani u jitqiegħdu x’imkien ieħor, imma mhux f’art ODZ, peress li jistgħu jinsabu siti alternattivi fejn m’hemmx ħdura,” saħqu  l-NGOs.

Il-policy eżistenti tippermetti l-iżvilupp kemm ta’ pompi tal-petrol ġodda kif ukoll ta’ dawk rilokati fuq art agrikola u naturali klassifikata bħala ODZ, b’kobor li jasal sa 3,000 metru kwadru.

”Preżentament hemm 14-il applikazzjoni għal pompi tal-petrol ODZ, b’erbgħa minnhom approvati u l-oħrajn li għadhom qed jiġu pproċessati, li b’kollox ikopru biċċa art li fiha daqs ħames darbiet il-Fosos tal-Furjana,” fakkru l-NGOs. “Waqt li din ir-reviżjoni tkompli ttawwal lil hinn minn kull żmien raġonevoli, applikazzjonijiet għal proġetti bħal dawn jibqgħu deħlin, bil-konsegwenza li l-art ODZ, li dejjem qed tiċkien, tkompli tiġi mhedda.”

Temmew jgħidu li kull jum li jgħaddi huwa kruċjali biex il-gżejjer tagħna jkunu protetti minn “interessi kummerċjali predatorji li moħħhom biex jisfruttaw art agrikola u naturali għall-benefiċċju tagħhom.”

Din l-istqarrija kienet iffirmata minn: Moviment Graffitti, Din l-Art Helwa, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Friends of the Earth Malta, Nature Trust Malta, Futur Ambjent Wieħed, Bicycle Advocacy Group, Isles of the Left, Ramblers Association, Birdlife Malta u Żminijietna.

More in Politika