Is-sena 2019 żgur li mhix se tkun nieqsa mill-elezzjonijiet hekk kif wara li l-maġġorparti tal-Maltin mistennija joħorġu jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Mejju, xahar wara, il-membri tal-kunsill tal-akbar assoċjazzjoni sportiva lokali mistennija jeleġġu l-President il-ġdid.
Sorsi qrib sew id-dinja tal-futbol u l-isports lokali spjegaw fid-dettall ma’ din il-gazzetta dettalji dwar din it-taqtigħa ħarxa.
Id-Dede mistenni ‘jċedi’ postu lil Bjorn Vassallo
Din il-gazzetta tinsab infurmata li l-president attwali Norman Darmanin Demajo, mhux mistenni jikkontesta l-elezzjoni ta’ Ġunju li ġej. Sorsi li tkellmu mal-ILLUM spjegaw kif sa ftit xhur ilu Darmanin Demajo kien lest biex jerġa’ jikkontesta din l-elezzjoni però issa jidher li l-kandidatura probabbli ta’ Chris Bonett bidlet daqsxejn id-deċiżjoni tiegħu.
Oriġinarjament fl-2010, Darmanin Demajo kien wiegħed li bħala President prospettiv hu kien se jokkupa l-kariga għal żewġ termini biss, jiġifieri sitt snin, però tliet snin ilu huwa kien reġa’ ġie fdat bi tliet snin oħra ta’ tmexxija tal-MFA b’hekk huwa s’issa għamel disa’ snin.
Fil-ġranet ta’ qabel l-aħħar elezzjoni, dik tal-2016, Darmanin Demajo kien stqarr li għadu wisq kmieni biex jitbiegħed mill-ogħla kariga fl-MFA, dan minħabba li l-istess Assoċjazzjoni kien għad fadlilha diversi proġetti u programmi prospettivi pendenti.
L-istess sorsi qrib sew l-MFA spjegaw li, “tliet snin oħra ta’ Darmanin Demajo taf tfisser li l-istorja kalċistika tista’ terġa’ tirrepeti ruħha, hekk kif fl-2010 Joe Mifsud kien tilef b’mod qawwi kontra Darmanin Demajo wara propju tmintax-il sena sħaħ bħala President tal-MFA.”
Bonett vs Vassallo
Fil-passat kemm Bonett kif ukoll Vassallo okkupaw il-kariga fl-MFA, sakemm f’Ottubru 2016, Bjorn Vassallo rreżenja mill-kariga tiegħu bħala segretarju ġenerali tal-Malta Football Association biex jieħu pożizzjoni fil-FIFA.
Fl-istess xahar Chris Bonett irreżenja mill-kariga tiegħu bħala Viċi President tal-MFA wara li aċċetta offerta biex jieħu l-kariga ta’ uffiċjal tal-integrità tal-UEFA.
Għalkemm m’hemm l-ebda konferma uffiċjali fuq l-imsemmija kandidaturi hu mifhum li żewġ kandidati prospettivi jinsabu għaddejjin bil-ħidma tagħhom għall-elezzjoni ta’ Ġunju li ġej.
Kif jiġi elett President tal-MFA?
Sabiex jiġi elett President ġdid tal-MFA, jeħtieġ li l-ewwel nett ikun ikkontestat. Ġaladarba l-president attwali jkun ġie kkontestat fl-elezzjoni, 109 membru tal-Kunsill u d-delegati huma intitotali li jivvutaw fil-Laqgħa Ġenerali Annwali. Fost dawn hemm membru rappreżentattiv minn kull klabb lokali mid-diviżjoni Premier sal-aħħar diviżjoni flimkien ma’ assoċjazzjonijiet membri oħrajn.