Aġġornata | Cauchi Inglott jiċċara li r-referendum dwar il-mina hija opinjoni tiegħu
Cauchi Inglott qed jinsisti li l-mina hija mbuttata biss minn numru żgħir ta' intraprendituri
More in Politika
Cauchi Inglott qed jinsisti li l-mina hija mbuttata biss minn numru żgħir ta' intraprendituri
Il-kandidat tal-Partit Demokratiku għall-Parlament Ewropew Martin Cauchi Inglott qiegħed iħeġġeġ lill-Gvern biex isejjaħ referendum dwar il-mina bejn Malta u Għawdex u qed jisħaq li din għandha sseħħ f’Mejju li ġej.
Fi stqarrija maħruġa aktar tard, Cauchi Inglott iċċara li din l-idea dwar il-mina hija opinjoni personali tiegħu u mhux tal-Partit Demokratiku.
Cauchi Inglott qal li l-inizjattiva għall-bini tal-mina bejn Malta u Għawdex hija mbuttata biss min-numru żgħir ta’ intraprendituri u mhux mill-maġġoranza tal-popolazzjoni Għawdxija.
Fi kliemu, l-Għawdxin huma mbeżża’ li l-mina se tfisser splużjoni ta’ żvilupp mhux ikkontrollat.
“Il-vjaġġi bil-karozza miċ-Ċirkewwa għall-Belt Valletta, digà qed jieħdu sagħtejn matul is-sigħat tat-traffiku. Jekk iktar Għawdxin ser ikollhom jivvjaġġaw lejn Malta, bis-saħħa tal-mina, ser ikun hemm iktar "bottlenecks", eżempju ġo Burmarrad, fejn ser imorru għall-agħar,” saħaq Cauchi Inglott.
Kien għalhekk, li qed jipproponi li għandu jkun hemm referendum li jiddetermina jekk dan l-investiment enormi għandux isir anke għax fi kliemu, dan se jkollu impatt kbir fuq is-soċjetà Għawdxija.
“L-istrutturi għal referendum diġà huma fis-seħħ peress li l-elezzjonijiet ta-kunsilli lokali u l-elezzjonijiet Ewropej huma ppjanati għall-25 ta 'Mejju 2019. Sa dak iż-żmien, ħafna NGOs li esprimew it-tħassib tagħhom jistgħu jkomplu jispjegaw il-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta' riskju daqshekk enormi, ħalli l-poplu jiddeċiedi jekk dan il-proġett kbir huwiex verament fl-interess tan-nazzjon tagħna jew le,” saħaq il-kandidat.
Minn monorail sal-lezzjonijiet virtwali…il-proposti ta' Cauchi Inglott
Huwa saħaq li s-soluzzjoni l-ewwel u qabel kollox tista’ tinstab jekk il-Gvern għandu jintroduċi inċentivi biex jattira investiment lejn Għawdex li jkun jinkludi servizzi bħal call centres u impjiegi ta’ valur għoli, waqt li insista li l-fibreoptic cable hu neċessarju biex investimenti, speċjament kumpaniji tal-logħob ikunu stabiliti fil-gżira.
Saħaq ukoll dwar l-importanza li jkun introdott ir-raba’ vapur u anke s-servizz ta’ fast ferry lejn iż-żona tal-Port il-Kbir.
“Aktar ambizzjuż, jista' jkun saħansitra monorail, dejjem jekk bi prezz raġonevoli, li jgħaqqad lil Belt Victoria mal-Università, Mater Dei, il-Belt Valletta u l-ajruport,” saħaq Cauchi Inglott. Proposta simili għamilha l-perit Konrad Xuereb.
Insista li t-tielet soluzzjoni għandha tkun sistema biex permezz tagħha nhar ta’ Ġimgħa, l-istudenti Għawdxin ikunu jistgħu jsegwu t-tagħlim onlajn billi l-lezzjonijiet ikunu virtwal. Fi kliemu, dan jippermetti lill-istudenti tal-Università u tal-MCAST biex igawdu lejl iżjed fil-kumdità ta' darhom.