Studenti tal-Università ta’ Malta laqgħu l-istedina tal-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) u niżlu jimxu mill-Kampus sal-Parlament tal-Belt Valletta biex isemmgħu leħinhom u jħeġġu lill-gvernijiet, lill-awtoritajiet u lil dawk kollha kkonċernati biex jieħu azzjoni kontra t-tibdil fil-klima.
L-istudenti Universitarji Maltin ingħaqdu ma’ eluf ta’ studenti oħra f’92 pajjiż ieħor.
Magħhom, ingħaqdu wkoll tfal minn skejjel li ġabu l-permess mill-iskejjel tagħhom biex jieħdu sehem f’din il-mixja li għaliha attenda wkoll il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo.
Dan il-moviment beda f’Awwissu li għadda meta tfajla ta’ 16-il sena, Greta Thunberg marret waħedha tipprotesta quddiem il-Parlament Żvediż. Issa ‘il fuq minn 70,000 student u studenta qed jinġabru kull ġimgħa f’diversi bliet biex isemmgħu leħinhom.