Malta l-aqwa fid-dinja fil-ġlieda kontra l-omofobija
Dan skont rapport tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Persuni Leżbjani, Gay, Bisesswali, Trans u Intersex (ILGA World)
More in Politika
Dan skont rapport tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Persuni Leżbjani, Gay, Bisesswali, Trans u Intersex (ILGA World)
Skont rapport tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Persuni Leżbjani, Gay, Bisesswali, Trans u Intersex (ILGA World), Malta kienet l-aqwa fid-dinja fil-ġlieda kontra l-omofobija u l-protezzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali.
Mir-rapport jirriżulta li Malta kienet l-unika pajjiż li ssodisfat il-kriterji kollha tal-ILGA World li jinkludu l-protezzjoni kostituzzjonali, il-protezzjoni fil-liġi tax-xogħol, il-protezzjoni kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni u mibgħeda, iż-żwieġ ugwali u l-unjoni ċivili, addozzjoni konġunta jew addozzjoni mit-tieni ġenitur, u l-projbizzjoni ta’ prattiċi ta’ konverżjoni jew ir-riklamar tagħhom.
Fi stqarrija, il-Minsteru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza qal li l-Gvern implimenta numru ta’ riformi leġiżlattivi li poġġew lil Malta fil-quċċata Ewropea f’dan il-qasam importanti tad-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza, u issa fil-quċċata dinjija.
Kompla jfakkar li wara dawn ir-riformi leġliżlattivi, il-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza waqqaf taqsima speċjali fi ħdan id-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Integrazzjoni dwar l-Orjentazzjoni Sesswali, l-Identità tal-Ġeneru, Espressjoni tal-Ġeneru u l-Karatteristiċi tas-Sess.
Permezz ta’ din it-taqsima, il-Gvern qed jara li lihinn mill-aspett legali, isaħħaħ ukoll il-politiki tiegħu u jassigura l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-orjentazzjoni tal-ġeneru fl-operat u fid-dipartimenti kollha tiegħu.
Din l-aħbar issegwi dik li ħarġet ftit tal-jiem ilu meta pajjiżna għall-ewwel darba għamilha mal-aqwa għaxar destinazzjonijiet turistiċi għall-persuni LGBTIQ.