Proġett bl-għan li refuġjati u Maltin jiġu inklużi fis-soċjetà bl-użu tal-ballun
Il-kap tal-MEUSAC tfaħħar l-inizjattiva u tgħid li dawn huma proġetti li verament iħallu impatt fil-komunità
More in Politika
Il-kap tal-MEUSAC tfaħħar l-inizjattiva u tgħid li dawn huma proġetti li verament iħallu impatt fil-komunità
L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol (MFA) nediet proġett soċjali li se jkun qed jaħdem bi sħiħ għal aktar inklużjoni fis-soċjetà Maltija bl-użu tal-logħba tal-ballun.
L-inizjattiva bl-isem ta’ ‘All in All for Football,’ se tkun qed tipprovdi sessjonijiet ta’ taħriġ għal refuġjati u persuni vulnerabbli Maltin bl-għan aħħari jkun li l-isport, f’dan il-każ il-futbol, jiffaċilita l-proċess ta’ integrazzjoni għal dawn il-persuni fil-gżejjer Maltin.
Fid-dawl ta’ dan kollu, din il-gazzetta tkellmet ma’ Peter Busuttil, il-kordinatur ta’ dan il-proġett. Huwa tkellem fid-dettall dwar l-għan wara dan il-proġett b’ruħ soċjali.
"Grazzi għal dan il-proġett, l-MFA se tkun qed tersaq aktar viċin lejn dawk il-persuni vulnerabbli li jixtiequ jipparteċipaw fil-logħba tal-futbol u l-attivitajiet relatati. B’din l-inizjattiva dawn se jkunu jistgħu jieħdu sehem f'sessjonijiet tal-futbol imma wkoll f'attivitajiet oħra relatati,” sostna Busuttil.
Mal-ILLUM huwa kompla jispjega l-fażi li jmiss sabiex jiġi attwat dan il-proġett.
“Wara li jkun irreġistrat l-interess tal-klabbs, l-MFA tibda diskussjonijiet li jittrattaw l-użu tar-riżorsi tal-klabbs fosthom fuq it-tagħmir, il-kowċis u l-postijiet sabiex dan kollu jkun jista’ jsir realtà.
Żied jgħid li, “wara li bgħatna diversi avviżi lill-klabbs affiljati magħna jidher li l-proġett intlaqa’ sew. In-numru ta’ klabbs parteċipanti jidher li se jiżdied minn dak tas-sena ta’ qabel,” saħaq Busuttil.
Din l-inizjattiva hi kontinwazzjoni ta’ proġett separat li s-sena l-oħra l-MFA kienet nediet bl-isem ta’ ‘Include Me and I Will Understand’.
Dan kien proġett bl-istess għan li kien ra l-parteċipazzjoni ta’ aktar minn 300 persuna fosthom refuġjati, persuni vulnerabbli, 12-il klabb tal-futbol lokali u numru ta’ NGOs.
Hu mifhum li mat-12-il klabb li ħadu sehem is-sena l-oħra se jkunu qed jiżdiedu sitt klabbs ġodda li beħsiebhom jipparteċipaw f’din l-inizjattiva.
Fil-kummenti tagħha, il-kap tal-MEUSAC, Mandy Falzon, faħħret din l-inizjattiva u rrimarkat kif, “dawn it-tip ta’ proġetti huma xempju ta’ kif il-fondi Ewropej huma kapaċi jħallu effett pożittiv fuq il-komunità.”
L-inizjattiva soċjali tinkludi l-ħidma ta’ diversi klabbs lokali, NGOs varji u aġenziji fosthom: AWAS, Appoġġ u l-Fondazzjoni LEAP filwaqt li dan il-proġett huwa appoġġat mill-UEFA, u kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea.