L-avukati ta' Hasheminejad jisħqu li għandhom jaqgħu l-akkużi kollha kontrih

L-avukati qed jinsistu li l-akkużi huma vagi u ma jipprovdux dettalji kruċjali

L-avukati ta’ Ali Sadr Hasheminejad, is-sid ta’ dak li kien il-Bank Pilatus, talbu lill-qrati fl-Istati Uniti biex iwaqqgħu l-akkużi kollha kontra l-klijent tagħhom għax fi kliemhom, l-akkużi huma “vagi.”

Hasheminejad, kien arrestat fl-Istati Uniti, akkużat, fost oħrajn, li pprova jevadi sanzjonijiet li l-Istati Uniti imponiet fuq l-Iran,  akkużi serji tant li jekk jinstab ħati, jista’ jispiċċa jqatta’ l-bqija ta’ ħajtu l-ħabs.

L-avukati qed jinsistu li l-akkużi kontra Hasheminejad, li l-bank tiegħu f’Malta kellu l-liċenzja sospiża s-sena li għaddiet, ma jipprovdux dettalji kruċjali dwar ir-reati li qed ikun allegat li wettaq.

Fost oħrajn, l-avukati qed jisħqu li l-prosekuzzjoni falliet milli tipprovdi dettalji dwar l-identità tal-persuni li allegatament kienu kompliċi ma’ Hasheminejad, il-vittmi tal-allegat frodi u l-individwi jew l-entitajiet fl-Iran li gawdew mill-istess frodi u ħasil ta’ flus.

X’għamel eżatt Hasheminejad?

L-akkuża ddur ma’ żewġ kumpaniji li Hasheminejad ħoloq biex allegatament jgħattu l-fatt li parti mill-flus li kienu deħlin fihom kienu qed imorru għand kumpaniji jew persuni Iranjani, kontra l-liġi tal-Istati Uniti.

Skont prosekuturi Amerikani, il-kumpanija tal-enerġija fil-Veneżwela PDVSA daħlet f’kuntratt ta’ $476 miljun mal-Iranian International Housing Corporation, kumpanija inkorporata fl-Iran minn kumpanija tal-kostruzzjoni Iranjana li hija proprjetà tal-familja ta’ Sadr.

Fl-2010, Hasheminejad u missieru użaw passaporti ta’ St Kitts u Nevis u indirizz f’Dubaj biex jinkorporaw żewġ kumpaniji, Stratus International Contracting fit-Turkija u Clarity Trade and Finance fl-Iżvizzera.

Bejn April tal-2011 u Novembru tal-2013, saru madwar 15-il pagament, li jammontaw għal $115-il miljun mill-kumpanija PDVSA lil dawn iż-żewġ kumpaniji ta’ Hasheminejad u missieru.

Il-pagamenti saru f’kontijiet li Stratus u Clarity Trade and Finance għandhom f’diversi banek mifruxa.

Ħafna mill-fondi li waslu f’dawn il-kontijiet ġew trasferiti f’kumpanija fil-British Virgin Islands inkorporata minn Hasheminejad u oħrajn.

Skont il-prosekuturi, il-benefiċjarji ta’ dawn il-kumpaniji kienu individwi u entitajiet Iranjani.

Hasheminejad qed ikun akkużat b’konfoffa biex ikun frodat l-Istati Uniti, b’konfoffa biex jikser is-sanzjonijiet imposti fuq l-Iran mill-Istati Uniti, bi frodi tal-bank, b’konfoffa biex isir frodi tal-bank, b’ħasil tal-flus u b’konfoffa biex isir ħasil ta’ flus.

B’kollox, il-piena massima li jista’ jeħel hija dik ta’ 125 sena ħabs.

X’qed jgħidu l-avukati?

Madanakollu, l-avukati ta’ Ali Sadr qed jisħqu li l-akkużi fl-ebda ħin ma jallegaw li fondi fil-verità waslu l-Iran u lanqas ma jispeċifikaw jekk kienx qed jaġġixxi f’isem il-Gvern Iranjan, istituzzjoni finanzjarja jew inkella xi Iranjan ieħor li jaqa’ taħt ir-Regolamentazzjoni dwar is-Sanzjonijiet Finanzjarji fuq l-Iran.

Skonthom, l-uniku reat speċifiku li jagħmlu referenza għalih l-akkużi huwa li Hasheminejad prova “jesporta...tranżazzjonijit finanzjarji internazzjonali,” mill-Istati Uniti għall-Iran.

Apparati minn hekk, l-avukati nnutaw li l-kumpanija fil-Venezwala għamlet madwar 15-il pagament lil Stratus Turkey u Clarity u li kienu jammontaw għal madwar $115-ilmiljun. Huma qed jisħqu li filwaqt li dawn il-pagamenti allegatament seħħew bejn April 2011 u Novembru tal-2013, l-akkużi qed imorru lura sal-2006.

“Il-Gvern ma għandux jordna lil Sadr biex jispekula dwar informazzjoni kritika...Fadal ħafna xi jsir biex Sadr ikun jista’ jipprepara għad-difiża tiegħu u jevita sorpriża waqt ġuri,” saħqu l-avukati.

L-avukati ta’ Hasheminejad argumentaw ukoll li l-Gvern Amerikan wettaq diversi tfittxijiet f’imejls differenti tal-klijent tagħhom taħt pretenzjonijiet foloz, fosthom li l-familja tiegħu kellha rabta sostanzjali mal-Gvern Iranjan u li wħud mit-trasferimenti finanzjarji saru għal proġetti bejn il-Gvern Iranjan u dan tal-Venezwali. Skont l-avukati ta’ Hasheminejad xejn min dan ma huwa minnu.

L-avukati qalu wkoll li l-investigaturi Amerikani talbu aċċess għall-imejls tad-diretturi u s-sidien ta’ Pilatus għas-sena 2014, madanakollu dawn ingħataw aċċess għal ħmistax-il sena imejls li kienu jinkludu kemm dawn personali ta’ Hasheminejad u dawk li għandhom x’jaqsmu man-negozju.

Aqra wkoll:

More in Politika