Bejn Jannar u Diċembru tas-sena li għaddiet saru 54 adozzjoni minn barra l-pajjiż biex l-2018 se tibqa’ mmarkata bħala l-iktar sena li matulha kienu adottati tfal minbarra l-pajjiż.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Strateġija Nazzjonali dwar l-Adozzjoni’.
Il-Ministru Michael Falzon qal li dan kien l-aqwa riżultat miksub fil-qasam tal-adozzjonijiet f’dawn l-aħħar 10 snin.
Insista li l-ewwel u l-aqwa interess għandu jibqa’ dak tat-tfal quddiem il-proċess kollu.
Għaldaqstant, huwa f’dan l-ispirtu li tkompli tiġi mġedda l-istrateġija u l-politika fil-qasam tat-tfal.
L-aktar li ġew adotatti tfal kien mill-Indja, fejn b’kollox waslu f’pajjiżna 38 tifel u tifla. Mill-Islovakkja ġew adottati tmint itfal, seba’ mill-Portugal u tifel wasal Malta mit-Tajlandja.
Il-Ministru Falzon fakkar kif dawn l-54 familja li adottaw it-tfal ibbenefikaw mill-għotja ta’ €10,000 bħala parti mill-ispejjeż marbuta mal-proċess tal-adozzjoni.
Falzon tkellem ukoll dwar kif pajjiżna qed jesplora l-possibbiltajiet ta’ adozzjonijiet minn pajjiżi ġodda bħall-Bulgarija, u hawnhekk faħħar is-sehem strumentali tal-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca.