Il-bastiment li spiċċa kkontrollat mill-immigranti li salva daħal Malta dalgħodu wara li ħaduh f'idhom il-Forzi Armati ta' Malta.
L-immigranti, 108 b'kollox, daħlu abbord il-bastiment f'Boiler Wharf. Fost dawn hemm 19-il mara u 12-il tifel u tifla li tniżżlu minnufih filwaqt li erba' persuni oħra ġew arrestati.
Il-Forzi Armati telgħu abbord il-bastiment biex jieħdu lura l-kontroll tal-bastiment wara li l-immigranti 'ħatfu' l-vapur fl-ibħra territorjali Maltin meta ndunaw li l-istess bastiment li savlahom kien qed jeħodhom lura l-Libja.
Jidher li l-Forzi Armati rnexxielhom jagħmlu kuntatt mal-kaptan tat-tanker ElHibli 1 meta dan kien madwar 30 mil nawtiku 'l barra minn Malta.
Jidher li l-kaptan beda jinsisti li ma għandux il-kontroll tal-bastiment u li hu u l-ekwipaġġ kienu qed ikunu mhedda minn grupp ta' immigranti biex ikomplu jbaħħru lejn Malta.
Il-Forzi Armati rnexxielhom jitilgħu abbord il-bastiment meta l-Patrol Boat P21 tal-Forzi Armati waqqfet lill-bastiment milli jidħol fl-ibħra territorjali Maltin.
Tim tela' abbord il-bastiment sakemm dan daħal Malta eskortat minn bastimenti oħra tal-Forzi Armati u anke ħelikopter.
Dwar dan, irreaġixxiet l-NGO Mediterranea Saving Lives li saħqet li r-refuġjati u l-immigranti, fil-Libja, jkunu msawta, stuprati u anke mibjugħa bħala skjavi. Saħqet li immigranti ġieli spiċċaw ittorturati mit-traffikanti bil-għan li jeħdulhom aktar flus.
"L-ebda stat ma jista' jibgħat lura refuġjati lejn pajjiżi fejn il-ħajja u l-libertà tagħhom tkun mhedda," saħqet l-NGO. "Jekk l-immigranti jintbagħtu lura l-Libja mhuwiex sempliċiment reat kriminali iżda att ta' inumanità," kompliet tikteb.
Intant għalissa minn fuq il-bastiment tniżżlu biss in-nisa u t-tfal.
Dwar dan il-każ infetħet inkjesta maġisterjali li qed titmexxa mill-Maġistrat Monica Vella.