Il-pensjonijiet baxxi f’Malta jistgħu jwasslu biex il-ħaddiema jagħżlu li jibqgħu jaħdmu wara l-età tal-irtirar u dan bil-għan li jkunu jistgħu jlaħħqu mal-ħajja u jżommu mal-istil tal-ħajja li mdorrija bih.
Qal dan il-Kap Eżekuttiv ta’ Jobsplus, Clyde Caruana, waqt diskussjoni dwar l-ekonomija u l-anzjanità attiva, organizzata mid-Dipartiment għall-Istudji dwar id-Dimensja u ċ-Ċentru dwar l-Istudji fuq ix-Xogħol.
Caruana saħaq li l-pensjonanti f’Malta mhumiex ‘il bogħod ħafna mil-livell ta’ dħul li jimmarka l-faqar u propju għalhekk saħaq li l-pensjonanti Maltin x’aktarx se jibdew jagħżlu li jibqgħu jaħdmu.
Fi kliemu, l-unika soluzzjoni għal dan jista’ jkun jekk il-Gvern iżid sostanzjalment il-pensjonijiet li jfisser ukoll il-bżonn ta’ tkabbir ekonomiku akbar jew inkella żieda fit-taxxi.
Minn madwar 115,000 pensjonant f’Malta, 15,500 ta’ dawk li għandhom ‘il fuq minn 61 sena u 3,500 ta’ dawk akbar minn 65 sena, għadhom jaħdmu, li tfisser rata inqas mill-medja Ewropea.
Caruana spjega li aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed jiżdiedu dawn in-numru.
Huwa kompla jgħid li r-raġuni wara l-fatt li aktar anzjani qed jibqgħu jaħdmu huwa l-fatt li l-popolazzjoni qed tikber u għalhekk qed jiżdied l-ammont ta’ persuni akbar mill-età tal-irtirar.
“Jidher li l-Maltin għadhom qed jagħżlu li jirtiraw mix-xogħol jekk ikunu jistħu qal Caruana iżda saħaq li fil-futur jista’ jkun hemm fatturi li jġiegħlu lil dawn l-anzjani biex jibqgħu jaħdmu.