Illum tnediet b’mod uffiċjali l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta li se tkun qed tkompli fejn ħalliet il-Fondazzjoni Valletta 2018.
It-tnedija saret propju f’Jum il-Belt Valletta, meta qed ikun iċċelebrat il-453 anniversarju minn meta tpoġġiet l-ewwel ġebla tal-kapitali.
Waqt it-tnedija ta’ din l-Aġenzija li se tkun immexxija minn Jason Micallef, intqal kif bejn l-2013 u l-2018 fil-Belt Valletta ġew investiti 167 miljun.
Dan l-ammont jeskludi dak li wettqet il-Fondazzjoni Valletta 2018 għal skopijiet kulturali u l-attivita turistika.
Matul din is-sena, se jkun qed isir investiment ta’ madwar 20 miljun oħra fuq proġetti marbuta ma’ wirt kulturali.
Fost il-proġetti prinċipali li saru fl-aħħar snin kien hemm MUŻA, il-Valletta Design Cluster u ngħatat il-ħajja mill-ġdid Strada Stretta.
Ovvjament, kien hemm ukoll proġetti li saru mill-privat bħas-Suq tal-Belt.
Fost xogħlijiet ta’ restawt saru proġetti fuq diversi knejjes, il-Palazz tal-Gran Mastru, ix-xogħol li għaddej fuq Dar il-Mediterran u t-tisbiħ ta’ Pjazza Tritoni.