Delia jgħid li hu m'għandux għalfejn jirriżenja hekk kif kont f'ismu qed ikun investigat
- Minkejja li qed ikun investigat, Delia mhux se jirriżenja biex ‘inaddaf ismu’ bħalma l-PN talab lil Konrad Mizzi, Keith Schembri u Joseph Muscat biex jagħmlu
- Jgħid li l-akkużi fuqu huma ‘gideb’ u 'spin' u jwaħħal f’ta’ Kastilja
minn Albert Gauci Cunningham
Minkejja li bosta esponenti tal-Partit Nazzjonalista (PN) insistew li l-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri għandhom jirreżenjaw, sakemm ‘inaddfu isimhom’, ladarba setgħu kienu investigati fuq allegat ħasil ta’ flus, mal-ILLUM il-Kap tal-Oppożizzjoni jgħid li l-akkużi fuqu, inkluż ta’ ħasil ta’ flus permezz ta’ kont f’ismu, ma jikkostitwixxux każ ta’ riżenja.
Din il-gazzetta bagħtet mistoqsija lill-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista wara l-aħħar żviluppi politiċi fil-PN. L-ILLUM staqsiet lil Delia kif, issa fid-dawl ta’ konferma illi hu kien investigat mill-FIAU u qed ikun investigat mill-Pulizija, għandux jirreżenja hu wkoll sakemm inaddaf ismu.
Delia iżda jindika biċ-ċar illi l-akkużi kontrieh huma gideb u qlajjiet u allura dan mhux każ ta’ riżenja. Koinċidentalment din kienet ukoll ir-risposta ta’ Mizzi u Schembri meta saru akkużi fil-konfront tagħhom ta’ flus li kellhom jidħlu f’kumpaniji li kienu fetħu fil-Panama.
Ma’ din il-gazzetta Delia jinsisti li dawk dwaru huma biss “insinwazzjonijiet, allegazzjonijiet u fabrikazzjonijiet ta’ firem foloz li ġraw snin ilu meta kont għadni naħdem ta’ avukat fis-settur kummerċjali u ma kontx involut fil-politika.”
Hu fakkar illi meta rċieva din l-evidenza hu għadda l-każ għand il-pulizija għall-investigazzjoni u issa nfetħet inkjesta maġisterjali.
“Tlabt b’urġenza biex tigi stabbilita x’rabta teżisti bejn dawn id-dokumenti bil-firem foloz u allegazzjonijiet li jeżisti rapport tal-FIAU li ġie leaked lit-Times.”
Iżda Delia mar pass oltre u implika illi dan kollu kien ġej minn Kastilja, anke jekk fil-fatt l-ewwel informazzjoni fir-rigward ta’ din l-allegazzjoni ħarġet fil-blog ta’ Daphne Caruana Galizia, ġurnalista maqtula f’karozza bomba u kritika kbira ta’ Adrian Delia, kif ukoll tal-Partit Labrurista.
“Dawn l-allegazzjonijiet gew spinnjati eżatt wara li l-Avukat Ġenerali li huwa wkoll iċ-Chairman tal-FIAU tilef wieħed mill-irwoli tiegħu wara insistenza qawwija minni,” sostna Delia f’referenza għat-tħabbira tal-Gvern illi beda jimplimenta l-proposti tal-Kummissjoni ta’ Venezja, fosthom li jonqsu l-poteri tal-Avukat Ġenerali.
“Allegazzjonijiet oħrajn kontrija tfaċċaw kull darba li kont qed nitkellem b’mod voċiferu kontra l-korruzjoni tal-gvern inkluz bil-kawża tal-Vitals li l-Gvern għamel minn kollox biex iwaqqaf. Iżda jiena mhu se jħalli l-ebda gidba, spin jew allegazzjoni oħra li toħroġ minn Kastilja milli twaqqafni fil-ġlieda tiegħi kontra l-korruzzjoni, favur is-sewwa u fil-ħidma biex nerġa' nsaħħaħ ir-reputazzjoni ta' pajjiżna, li tkissret bl-għemil tal-Gvern stess.”
Mhux impressjonati ....
L-aħħar żviluppi politiċi fil-Partit Nazzjonalista komplew jitfgħu lill-Adrian Delia lura politikament, tant li sorsi differenti li kellmet din il-gazzetta, wieħed fil-grupp Parlamentari u l-ieħor membru fil-Kulleġġ Kunsilliera, t-tnejn sostnew li fil-PN, fost dawk ta’ kontra Delia, hemm sens ta’ ġustifikazzjoni, li kellhom raġun.
Jidher illi kliem Delia dwar l-attakki minn Kastilja, ma tantx qed jimpressjonaw lil ħafna mill-Membri tal-Grupp Parlamentari, b’ħafna minnhom jibqgħu jemmnu ħafna mill-akkużi li Daphne Caruana Galizia għamlet kontrieh.
Rassenjati sal-elezzjoni ta’ Mejju
Fil-fatt, għalkemm il-kuntatt sar b’mod separat, iż-żewġ sorsi tal-gazzetta ILLUM qalu illi dawk li ma jaqblux ma’ Delia lkoll qed jgħidu li l-fatt li kien hemm investigazzjoni mill-Financial Analysis and Intelligence Unit fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni kompliet issaħħaħ il-pożizzjoni ta’ dawk li ma jridux lil Delia jibqa’ Kap.
“Xi kredibilità jista’ jkollna bħala partit meta nitkellmu fuq il-bżonn tar-riżenji jekk imbagħad il-Kap tal-Oppożizzjoni qed qed jiġi investigat mill-pulizija u jżomm postu?” sostna d-Deputat.
Fil-fatt, din il-gazzetta tinsab infurmata li Delia għad m’għandux il-fiduċja tal-maġġoranza tal-Grupp Parlamentari minkejja li f’dawn l-aħħar ġimgħat kollox bħal donnu kkwieta.
“Issa hemm rassenzjazzjoni biex naċċettaw l-affarijiet kif inhuma u nirreaġixxu wara l-elezzjoni tal-MEPs f’Mejju,” qal il-Kunsillier. Dan ikkonfermah ukoll ma’ din il-gazzetta l-membru fil-grupp parlamentari.
L-aħħar kwistjoni li fiha spiċċa Delia kien meta hu stess, mingħajr ma kien hemm kwistjoni fil-pubbliku, tmint ijiem ilu għajjat konferenza tal-aħbarijiet tard is-Sibt filgħaxija u qal li hemm dokumenti bil-firem tiegħu fuq tranżazzjonijiet finanzjarji.
Kont tal-bank f’Jersey li kien f’isem il-kap tal-PN Adrian Delia irċieva £349,000 fil-forma ta’ ċekk jew depożiti ta’ flus kontanti fil-perjodu li kien miftuħ, jirriżulta minn rapporti differenti fuq il-midja.
Kienet Daphne Caruana Galizia li kixfet dan il-kont f’Jersey, meta Delia kien għadu kandidat għall-pożizzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Caruana Galizia kienet ħabbret li f’dan il-kont kienu qed jidħlu £20,000 kull xahar minn kirjiet ta’ dar f’Soho, fl-indirizz ta’ 52, Greek Street.
Nhar is-Sibt 24 ta’ Marzu, wara li ġurnalisti ta’ The Times bagħtulu xi mistoqsijiet, Delia organizza konferenza tal-aħbarijiet illi fiha talab lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga dawk illi qal li huma firem foloz tiegħu.
Skont rapporti fuq is-Sunday Times rapport ta’ 30 paġna tal-FIAU, liema rapport sar wara l-akkużi minn Daphne Caruana Galizia, ikkonkluda li l-kont f’isem Delia seta’ kien użat għall-ħasil tal-flus f’ammonti differenti.
Jidher illi kif kienet qalet Daphne Caruana Galizia kienu qed jgħaddu ammonti ta’ flus, għalkemm skont l-investigazzjoni dawn kienu jvarjaw bejn £400 u £16,000 f’depożiti.