Ir-rebħa ta’ Malta kontra l-Gżejjer Faroe swiet kważi €100,000

Rebħa wara 13-il sena għat-tim Malti… Imma kont taf li l-plejers Maltin jieħdu bonus jekk jirbħu logħba?

It-tim Nazzjonali Malti - Ritratt Domnic Borg
It-tim Nazzjonali Malti - Ritratt Domnic Borg

Il-ġimgħa l-oħra f’logħba tar-rawnd tal-kwalifikazjzoni tal-Euro 2020, it-tim nazzjonali Malti rnexxielu jikseb rebħa kontra t-tim tal-Gżejjer Faroe. Din kienet l-ewwel rebħa kompetittiva għat-tim nazzjonali Malti fi żmien 13-il sena. Fid-dawl ta’ dan kollu, l-ILLUM ippruvat tistħarreġ eżattament kemm kien il-bonus finanzjarju li ngħataw il-plejers u l-istaff tekniku għal din ir-rebħa ‘storika’.

€5,000 għall-protagonisti

Mill-indagar ta’ din il-gazzetta rriżulta li r-rebħa tat-tim nazzjonali Malti swiet l-Assoċjazzjoni tal-Futbol ta' Malta (MFA), kważi €100,000 f’bonuses lill-plejers tal-iskawdra nazzjonali u l-membri tal-istaff tekniku.

Sorsi qrib sew l-MFA spjegaw mal-ILLUM li għar-rebħa tagħhom il-plejers ingħataw bonus ta’ €5,000 inkluż dawk li ġew sostituti matul il-logħba. Min-naħa l-oħra, dawk il-plejers li ma lagħbux iżda kienu parti mill-iskwadra ħadu n-nofs ta’ dan il-bonus jiġifieri €2,500.

Apparti minn hekk l-istaff tekniku wkoll kien intitolat għal dan il-bonus.

Fil-kummenti tiegħu, kelliem għall-MFA qal li, “din hi prassi normali li l-plejers tat-tim nazzjonali jingħataw bonus xieraq skont ir-riżultati miksuba.”

Kif qal il-kelliem tal-MFA din hi prassi normali fid-dinja tal-ballun u tista’ tgħid isseħħ fil-maġġorparti tat-timijiet nazzjonali tal-futbol.

Pereżempju, skont rapporti fil-midja Taljana, fl-2014, il-plejers tat-tim nazzjonali tal-pajjiż kienu ġew imwiegħda mal-€550,000 kull wieħed jekk jaslu sal-aħħar stadji tal-finali tat-Tazza tad-Dinja tal-istess sena.

"Fl-istess waqt skont rapporti fil-midja Ingliża, l-FA tal-Ingilterra tħallas £2,500  lil kull plejer li jibda fil-partita filwaqt li tagħti £1,500 għal dawk li jkunu mgħajta fl-iskwadra

Wirja drammatika kontra t-tim tal-Gżejjer Faroe

Il-ġimgħa l-oħra, il-pajjiż kollu ngħaqad f’daqqa sabiex jiċċelebra r-rebħa tat-tim nazzjonali Malti kontra l-Gżejjer Faroe f’logħba tal-kwalifikazzjonijiet għall-Euro 2020. F’wirja drammatika, it-tim Malti rnexxielu jegħleb it-tim tal-Gżejjer Faroe bl-iskor ta’ 2-1 u dan bi plejer nieqes, l-istess tim li sitt xhur ilu, fl-logħba tal-UEFA Nations League għeleb lit-tim Malti bl-iskors ta’ 3-1.

B’hekk, bir-rebħa tal-ġimgħa t-tim nazzjonali Malti rnexxielu jirbaħ l-ewwel logħba kompetittiva tiegħu f’temp ta’ 13-il sena.

Wara l-konfront tal-Gżejjer Faroe, it-tim Malti lagħab kontra t-tim ta’ Spanja u tilef bl-iskor ta’ 2-0.

More in Politika