Kunsilli Lokali: X'ġara u x'jista' jiġri (2)
Kunsilli Lokali: ir-riżultati tal-aħħar tliet elezzjonijiet fil-kuntest li seħħew. Liema xejriet qegħdin juru dwar il-PN u l-PL? U f’Mejju x’inhu l-aktar probabbli li jiġri? L-ILLUM tkompli tanalizza l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali
minn Albert Gauci Cunningham / Yendrick Cioffi
Il-gazzetta ILLUM qed tkompli bl-analiżi tagħha, imqassma fuq diversi Ħdud, dwar l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali.
L-analiżi tagħti ħarsa lejn ir-riżultati fl-aħħar tliet elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, fil-kuntest partikolari ta’ kull waħda, biex tipprova tifhem aħjar x’inhuma x-xejriet f’kull lokalità u allura, fil-kuntest tas-sondaġġi bħalissa, x’inhuma l-ewwel previżjonijiet li wieħed jista’ jagħmel għal kull lokalità, fejn din il-previżjoni tista’ tkun possibbli.
Il-gazzetta tidħol fid-dettall tar-riżultat lokalità b’lokalità u fejn japplika, tanalizza dan fid-dawl ta’ elezzjonijiet oħra fl-istess ġurnata u li setgħu affettwaw ir-riżultat.
Tħares ukoll lejn kif il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista żiedu jew naqqsu l-voti matul l-aħħar tliet elezzjonijiet u kif din ix-xejra tista’ tħalli effett, jekk taffettwa, dak li se jiġri f’Mejju li ġej.
Iż-Żejtun: Il-Partit Laburista b’rasu mistrieħa
Iż-Żejtun bla dubju ta’ xejn huwa fortizza Laburista u wieħed jista’ jgħid kważi b’ċertezza li l-affarijiet hekk se jibqgħu.
Għalkemm din il-gazzetta qed tagħti ħarsa lejn l-aħħar tliet elezzjonijiet tal-kunsilli lokali, fiż-Żejtun, l-elezzjoni fl-2005 ma kinitx saret hekk kif il-Partit Nazzjonalista kien naqqas il-kandidati tiegħu għall-Kunsill taż-Żejtun, bl-għan li f’dan il-kunsill ma jkunx hemm bżonn li ssir elezzjoni u l-kandidati jkunu eletti awtomatikament.
Fl-2008, iż-Żwieten ħarġu jivvutaw bi ħġarhom f’elezzjoni ġenerali (li rebaħ il-Partit Nazzjonalista) u vvutaw ukoll għall-Kunsill Lokali. Fl-elezzjoni lokali, il-Partit Laburista kien rebaħ b’6,036 vot, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista kiseb 2,251 vot.
L-aħħar elezzjoni lokali fiż-Żejtun saret ukoll mal-elezzjoni ġenerali tal-2013 li rebaħ b’maġġoranza kbira l-Partit Laburista. Dik is-sena, il-Partit Laburista reġa’ żied il-voti biex kiseb 6,504 voti, jew kważi 76%, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista naqqas ftit voti biex kiseb 2,080 vot.
Anke jekk x’aktarx li din is-sena ż-żewġ partiti jnaqqsu ftit fil-voti (ġaladarba għall-kuntrarju tas-sentejn li għaddew l-elezzjoni lokali mhux se ssir ma’ dik ġenerali, u allura jkun hemm min jippreferi jibqa’ d-dar) id-distakk bejn iż-żewġ partiti huwa tant kbir li kważi kważi l-Partit Laburista jista’ jserraħ rasu minn din il-lokalità.
Ħal Għaxaq: Il-Partit Laburista dejjem iżid
Bħaż-Żejtun, Ħal Għaxaq tista’ titqies bħala fortizza kbira Laburista u fl-aħħar tliet elezzjonijiet tal-kunsill lokali, il-Partit Laburista dejjem żied fl-appoġġ biex fl-aħħar waħda kiseb 79% tal-voti.
Fl-elezzjoni lokali tal-2006, meta l-Għaxqin ħarġu jivvutaw għall-elezzjoni tal-kunsill lokali biss, il-Partit Laburista kiseb 1,647 tal-voti u l-Partit Nazzjonalista ġab biss 686 vot.
Fl-2009, apparti għall-kunsill, ir-residenti ta’ Ħal Għaxaq ħarġu mal-bqija tal-Maltin u vvutaw ukoll fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, kif se jkunu qed jerġgħu jagħmlu din is-sena. F’dik l-elezzjoni lokali, il-Partit Laburista żied il-voti biex kiseb 2,159 vot filwaqt li l-Partit Nazzjonalista naqqas il-voti u kiseb 661, jiġifieri distakk ta’ 1,498 vot.
L-aħħar elezzjoni lokali f’Ħal Għaxaq saret mal-elezzjoni ġenerali tal-2013 li rebaħ il-Partit Laburista. Kif wieħed jistenna, meta jkun hemm elezzjoni ġenerali, aktar nies joħorġu jivvutaw tant li l-Partit Laburista reġa’ żied il-voti u kiseb 2,629 vot. Dan iżda ma tantx kellu effett fuq il-Partit Nazzjonalista li żied biss 36 vot u kiseb 697 vot.
Id-distakk kbir li l-Partit Laburista kiseb f’Ħal Għaxaq fl-aħħar snin, anke meta l-Għaxqin fl-2009 vvutaw ukoll fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, jagħmel ir-riżultat tal-elezzjoni lokali li jmiss kważi kważi ovvju.
Wied il-Għajn: iż-żewġ partiti jżidu, iżda l-PL fuq quddiem
F’Wied il-Għajn, iż-żewġ partiti żiedu ammont sostanzjali ta’ voti f’kull elezzjoni lokali iżda l-Partit Laburista baqa’ dejjem fuq quddiem u dejjem żied l-appoġġ fuq il-Partit Nazzjonalista.
Fl-2006, l-Iskalin ħarġu jivvutaw għall-kunsill lokali biss. Dakinhar, il-Partit Laburista kien kiseb 2,386 vot u l-Partit Nazzjonalista 877 vot, ftit aktar minn Josie Muscat li kien kiseb u kien elett fil-kunsill b’604 voti wara li kien ħareġ f’isem il-Grupp Indipendenti Marsaskala. Dik is-sena, kandidat ieħor indipendenti, kien kiseb 45 vot.
Elezzjoni lokali oħra saret fl-2009, meta bħal din is-sena, l-Iskalin ivvutaw ukoll għall-Ewro Parlamentari. F’din is-sena ma kien hemm l-ebda kandidat indipendenti u marru tajjeb iż-żewġ partiti ewlenin li t-tnejn żiedu l-voti. Il-Partit Laburista kien kiseb 3,722 vot u l-Partit Nazzjonalista żied ukoll biex kiseb 1,689.
L-aħħar elezzjoni lokali f’Wied il-Għajn saret ma’ dik ġenerali tal-2013. Forsi għax aktar nies ħarġu jivvutaw mis-snin preċedenti u għax il-popolazzjoni ta’ dan ir-raħal turistiku żdiedet, iż-żewġ partiti reġgħu żiedu l-voti, anke jekk għal dan il-kunsill ikkontestat ukoll l-Alternattiva Demokratika.
Il-Partit Laburista kiseb 4,643 vot, il-Partit Nazzjonalista 2,299 vot u l-Alternattiva Demokratika kisbet 251 vot.
Anke jekk il-Partit Nazzjonalista wkoll żied il-voti f’din il-lokalità, il-Partit Laburista rnexxielu jkabbar id-distakk f’kull elezzjoni lokali, biex sal-2013 id-distakk kien dak ta’ 2,344 vot.
Wieħed ma jista’ qatt ikun ċert iżda jista’ jbassar li ġaladarba d-distakk bejn iż-żewġ partiti huwa kważi d-doppju u dejjem baqa’ jikber, ir-riżultat x’aktarx se jkun simili għal dak ta’ għaxar snin ilu (meta l-Iskalin ivvutaw ukoll għall-MEPs) u l-Partit Laburista jżomm vantaġġ komdu f’din il-lokalità wkoll.
Marsaxlokk: bit-tanker jew mingħajru l-PL jibqa’ b’saħħtu
F’Marsaxlokk il-Partit Nazzjonalista fadallu ħafna x’jaqdef. Il-Partit Laburista għadu b’saħħtu u kollox jindika li hekk se jibda f’Mejju li ġej.
Fl-2007, il-Partit Laburista rebaħ il-kunsill Xlukkajr b’1,238 vot, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista kiseb biss 401 vot. Dik is-sena ħareġ kandidat indipendenti li kiseb 159 vot.
Meta fl-2012 il-kandidat indipendenti ma kkontestax, il-Partit Nazzjonalista mhux talli ma gawdiex, talli spiċċa biex naqqas il-voti u kiseb biss 354 vot biex il-Partit Laburista żied u reġa’ rebaħ il-kunsill b’1,505.
Fl-2015, ir-referendum tal-kaċċa ma tantx jidher li ħalla xi effett għax ħarġu jivvutaw kważi kważi l-istess persentaġġ ta’ votanti li vvutaw fl-2012. Madanakollu, jidher li mar aħjar il-Partit Nazzjonalista li żied 209 voti biex kiseb 536 vot, filwaqt li l-Partit Laburista 95 vot biex kiseb 1,600 vot.
X’aktarx li f’Mejju ta’ din is-sena se joħorġu jivvutaw l-istess ammont ta’ Xlukkarji li ħarġu fl-aħħar snin. Anke jekk fl-2015 il-Partit Nazzjonalista żied aktar voti mill-Partit Laburista, id-distakk bejn il-partiti għadu akbar mid-doppju u dan jagħmel lill-Partit Laburista komdu wkoll f’din il-lokalità.
Żieda fil-votanti PN inaqqsu d-distakk f’din il-lokalità ‘Laburista’
Il-Gudja huwa wieħed mill-irħula żgħar fejn il-Partit Laburista dejjem kiseb maġġoranza. Ħarsa lejn l-aħħar tliet elezzjonijiet juru liż-żewġ partiti jżidu l-voti dejjem, għalkemm id-distakk naqas b’mod minimu.
Fl-2006, sentejn qabel il-PN rebaħ elezzjoni bi ftit voti, il-PL kien kiseb 1,245 vot u l-PN kiseb 501 vot biex id-differenza kienet ta’ 744 favur il-Partit Laburista. Din id-differenza żdiedet bi ftit, għal 780 fl-2009 meta l-Gudjani vvutaw ukoll biex jeleġġu l-MEPs.
Fl-2013 u allura ma’ elezzjoni ġenerali, kuntrarjament għal dak li rajna l-ġimgħa l-oħra fil-każi ta’ Ħaż-Żabbar u l-Fgura, fil-Gudja d-distakk bejn iż-żewġ partiti naqas mal-elezzjoni ġenerali. Fil-fatt dan kien kaġun ta’ żieda aktar qawwija fil-vot Nazzjonalista milli fil-vot Laburista.
Fil-fatt filwaqt li l-PL żied 92 vot mill-voti li kien ġab fl-2009, il-PN żied 180 vot.
Dan jista’ jindika li 1) jew kien hemm xejra ta’ voti f’din il-lokalità li ma kinitx riflessa fix-xejra nazzjonali, minħabba kwistjonijiet purament lokali jew distrettwali jew inkella 2) u (aktar probabbli) li ħafna votanti Nazzjonalisti ppreferew joqogħdu d-dar f’elezzjonijiet sekondarji, imma ħarġu jivvutaw fl-elezzjoni ġenerali.
Jekk din ix-xejra tirrepeti ruħha u allura (għax mhux elezzjoni ġenerali) ħafna Nazzjonalisti jerġgħu jibqgħu d-dar il-probabbilità hija li d-distakk favur il-PL jiżdied.
Kandidat indipendenti li wassal għal tnaqqis fid-distakk
Santa Luċija hija lokalità oħra żgħira illi fiha l-Partit Laburista dejjem kiseb maġġoranza komda ħafna. Fl-2010 ma saritx elezzjoni hekk kif in-numru ta’ kandidati kien eżatt daqs in-numru ta’ kunsilliera li kien hemm bżonn.
Jiġifieri l-kalkolu ta’ Santa Luċija huwa fuq elezzjonijiet li qatt ma ħabtu ma’ waħda fuq bażi nazzjonali imma biss fl-2015 mar-referendum dwar il-kaċċa.
Interessanti li hawn il-PL fil-fatt naqqas il-voti u għalkemm baqa’ l-partit b’maġġoranza, fl-2015 kien l-aktar viċin tal-PN mill-2007. Fil-fatt fl-2015 id-differenza bejn il-PL u l-PN kienet ta’ 623 vot, fl-2012 kienet ta’ 842 vot u fl-2007 kienet ta’ 756 vot.
Minkejja dan, kien fl-2015 biss illi ħareġ kandidat indipendenti. Dan kiseb 120 vot.
Jekk nassumu li ħafna mill-voti li ġab il-kandidat indipendenti huma voti Laburisti, inkunu qed naraw xenarju ta’ distakk fl-2015 li huwa viċin ħafna dawk tal-2012 u l-2007.
Jekk nassumu li l-maġġoranza tagħhom huma PN inkunu qed inħarsu lejn l-inqas distakk li qatt inkiseb bejn iż-żewġ partiti f’din il-lokalità.
Il-probabbilità kbira hija li l-PL iżomm id-distakk b’saħħtu għalkemm dan se jiddependi fuq jekk il-kandidat indipendenti joħroġx għall-elezzjoni ta’ Mejju jew le.
Ċans li jnaqqsu, imma l-Labour jibqa’ fuq quddiem sew!
Ħal Tarxien hija lokalità ta’ daqs medju, b’maġġoranza Laburista b’numru rispettabbli ta’ votanti Nazzjonalisti. Fil-fatt, mill-2006 sal-2013, perjodu ta’ seba’ snin, il-vot tal-PN baqa’ tiela’ biex żdied b’315. Minkejja dan, anke d-distakk kiber hekk kif il-Partit Laburista żied 1,286 vot fl-istess perjodu.
Fl-2006 meta l-elezzjoni tal-Kunsilli saret waħedha, id-distakk kien ta’ 1,603. Fl-2009 meta saret mal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew id-distakk żdied għal 1,724, bil-PN jikseb 1,703 voti u l-PL jikseb ftit iktar mid-doppju jew 3,427 vot.
Fl-2013, u allura ma’ elezzjoni ġenerali illi fiha l-PL rebaħ bil-qawwi, il-PL kiseb 4,555 vot u l-PN 1,666 vot biex id-distakk sploda għal 2,889.
Jekk f’Mejju se jkun hemm l-istess xejra nistgħu nistennew tnaqqis għaż-żewġ partiti, bil-PL iżomm distakk komdu fuq il-PN.
Raħal Ġdid: lokalità Laburista, biċ-ċans ta’ żieda fil-voti ...
Raħal Ġdid, bħall-ġar Ħal Tarxien, ra liż-żewġ partiti jżidu l-voti għalkemm bħall-ġar l-ieħor Santa Luċija l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali qatt ma nzertaw ma’ xi waħda nazzjonali.
Il-Partit Laburista kiseb 2,820 vot fl-2007, 3,051 vot fl-2012 u 3,170 fl-2015.
Il-PN kiseb 1,353 vot biex naqqas fl-2012 għal 1,213 iżda reġa’ żied għal 1,510 voti fl-2015, meta dakinhar sar ukoll ir-referendum tal-kaċċa.
F’Mejju, il-lokalità ta’ Raħal Ġdid ukoll mistennija tibqa’ b‘maġġoranza Laburista, għalkemm minħabba li din hija l-ewwel darba li l-elezzjoni lokali se taħbat ma’ waħda nazzjonali huwa mistenni li jiżdiedu l-voti f’din il-lokalità.
Il-probabbilità, anke jekk inħarsu lejn dawn it-tliet elezzjonijiet, hija li ż-żewġ partiti jżidu l-voti fuq dak li kisbu fl-2015.