Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne saħaq li ftehim li ffirma l-pajjiż jiggarantixxi li jkun ippreparat għall-eventwalità ta’ influwenza pandemika dinjija bħalma kien hemm f’diversi okkażjonijiet.
Fil-fatt, 15-il Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea ffirmaw qafas ta’ kuntratti mal-kumpanija farmaċewtika Seqirus għall-produzzjoni u l-provvista ta’ vaċċin kontra influwenza pandemika.
Dan sar skont ftehim li kien milħuq bejn dawn il-pajjiżi magħruf bħala “EU Joint Procurement Agreement to procure medical countermeasures”.
Il-pajjiżi li ffirmaw dan il-ftehim, minbarra Malta huma l-Belġju, Kroazja, Ċipru, Estonja, Franza, Ġermanja, Greċja, Irlanda, Lussemburgu, Olanda, Portugall, Slovakkja, Slovenja u Spanja.
Min-naħa tagħha, il-Kummissarju għas-Saħħa u s-Sigurtà tal-Ikel Vytenis Andriukaitis saħaq li l-pajjiżi membri li ffirmaw dan il-ftehim jibqgħu assigurati li ċ-ċittadini tagħhom ikollhom aċċess għal vaċċin f’każ ta’ influwenza pandemika għall-aħjar prezz disponibbli.
Dan il-mekkaniżmu jaħseb biex itejjeb it-tħejjija ta’ pajjiżi membri biex jilqgħu għal theddid serju għas-saħħa mifrux ma’ diversi pajjiżi, u jassigura aċċess ugwali għall-pajjiżi kollha parteċipanti u jiggarantixxilhom prezzijiet aktar bilanċjati fin-negozjati li jkollhom ma’ kumpaniji farmaċewtiċi għal kontromiżuri speċifiċi medikali.
Sadattant għadhom għaddejjin negozjati ma’ kumpanija farmaċewtika oħra bil-għan li jkunu ffirmati aktar kuntratti li jimmassimizzaw il-ħtieġa tal-vaċċin skont il-bżonnijiet speċifiċi tal-pajjiżi membri parteċipanti u jkomplu jtejbu t-tħejjijiet tagħhom għall-pandemija li jkun imiss.