Aktar tard illum, Moviment Graffitti se jkun qed itemm dak li sejjaħ bħala assedju fuq l-Awtorità tal-Ippjanar għax skont l-attivisti, jinsabu ċerti li l-pressjoni fuq l-awtoritajiet biex jirrevedu "l-policy dannuża dwar il-pompi tal-petrol" qed taħdem
Graffitti ilhom ħamest ijiem jorqdu u jqumu fil-kampijiet quddiem il-binja tal-Awtorità tal-Ippjanar u fi kliemhom din kienet esperjenza inkoraġġanti, għax oħrajn bħalhom urew ir-rabja tagħhom lejn in-nuqqas ta' azzjoni dwar il-bini ta' pompi tal-petrol f'ODZ.
"Filwaqt li r-reviżjoni ta’ din il-policy suppost ilha li saret, aħna sodisfatti wkoll li l-pressjoni pubblika ġiegħlet lill-awtoritajiet biex jagħtu skadenza - dan ix-xahar - għall-pubblikazzjoni tal-policy riveduta," saħaq il-Moviment.
L-attivisti qalu wkoll li se jkunu qed isegwu mill-qrib l-iżviluppi f'dan ir-rigward.
Apparti minn hekk, huma nedew dak li qed isejħu bħala "pompi timer" – www.pompitimer.org, jiġifieri timer onlajn li jgħodd il-ġranet, is-sigħat, il-minuti u s-sekondi mill-wegħda tal-Ministru għall-Ambjent fil-25 ta' Jannar 2018 li tinbidel din il-policy.
"Jekk l-awtoritajiet jonqsu milli jippubblikaw il-policy riveduta dan ix-xahar, jew jekk il-policy riveduta xorta tkun tippermetti pompi tal-petrol fl-ODZ, il-Moviment Graffitti huwa lest li jwettaq aktar azzjonijiet diretti," temmew jgħidu l-attivisti.