Konsultazzjoni pubblika fuq il-politika nazzjonali li titratta l-inklużjoni fl-iskejjel
Il-Ministru enfasizza li bħala soċjetà għandna impenn li ngħixu flimkien u nagħmlu l-isforzi kollha tagħna
minn Albert Gauci Cunningham
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol nieda żewġ dokumenti għall-konsultazzjoni pubblika. L-ewwel dokument, A Policy on Inclusive Education in Schools: Route to Quality Inclusion, huwa l-politika nazzjonali għall-inklużjoni fl-edukazzjoni u jindirizza d-diversità u r-realtà li wieħed isib illum fl-iskejjel tagħna. It-tieni dokument, A National Inclusive Education Framework, jinvolvi struttura prattika li permezz tagħha l-iskejjel ser ikunu jistgħu jimplimentaw il-politika nazzjonali fejn se tiggwida lill-edukaturi, l-iskejjel, il-ġenituri, il-professjonisti u l-partijiet interessati l-oħra kollha fil-vjaġġ lejn inklużjoni ta’ kwalità f’ambjenti edukattivi. Id-dokumenti mfassla jiċċelebraw il-prattika tajba li ilha għaddejja fl-iskejjel għal bosta snin u għandha l-għan li tagħti gwida komprensiva, strutturata u armonizzata biex issaħħaħ l-inklużjoni, tipprovdi opportunitajiet ekwi u prattiċi ta’ inkluzjoni fl-iskejjel.
L-għan prinċipali ta’ dawn iż-żewġ dokumenti huwa li l-istudenti la jibqgħu lura, u lanqas jiġu esklużi, minkejja d-diversità tagħhom. B’hekk niżguraw li l-istudenti tagħna jkunu ċittadini attivi fis-seklu wieħed u għoxrin. Din il-politika taddotta definizzjoni wiesgħa ta’ inklużjoni li tinkludi, fost affarijiet oħra, studenti b’diżabilità, studenti b’orjentazzjoni sesswali differenti, studenti minn minoritajiet etniċi u reliġjonijiet differenti, studenti ta’ kapaċità għolja li jirriflettu l-istudenti kollha tal-iskola.
F’konformità mal-Istrateġija tal-Edukazzjoni hekk kif iddikjarat fil-Qafas għall-Istrateġija tal-Edukazzjoni għal Malta 2014-2024, din tippromwovi l-prattika ta’ ambjent edukattiv inklussiv li jiżgura li l-istudenti kollha jkollhom l-opportunità jiksbu l-għarfien, il-ħiliet, u l-attitudnijiet meħtieġa biex ikunu ċittadini attivi u biex jirnexxu fuq ix-xogħol u fis-soċjetà.
Kemm il-politika kif ukoll il-qafas huma mibnija fuq konvenzjonijiet internazzjonali u lokali kif ukoll fuq policies lokali. Dawn id-dokumenti jikkumplimentaw ir-riforma l-ġdida tal-edukazzjoni sekondarja ‘Il-Vjaġġ Tiegħi: Nasal minn Toroq Differenti’ li jippromwovu trasformazzjoni minn l-idea ta’ “daqs wieħed għal kulħadd” għal sistema inklussiva u ekwa għall-istudenti kollha.
Il-politika tiddeskrivi punti ta’ referenza u standards li jinkoraġġixxu lill-iskejjel biex jieħdu sehem fi prattika inklussiva. Barra minn hekk, il-qafas huwa mibni fuq numru ta’ temi li jiggwidaw l-iskejjel dwar l-implimentazzjoni tal-politika. Permezz tal-impenn ma’ dawn id-dokumenti, bidla fundamentali fl-approċċ fir-rigward l-ambjenti edukattivi hija mħeġġa sabiex l-iskejjel jimxu minn ostakli li jfixklu l-inklużjoni lejn sistema edukattiva li hija tassew inklussiva.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo rringrazzja lil kull minn huwa involut tax-xogħol siewi fil-qasam tal-inklużjoni li diġà sar u saħaq li fadal ħafna iżjed xogħol li nwettqu. L-inkluzjoni hija aspett diffiċli u mhux vjaġġ faċli, u hija waħda mimli bi sfidi. Huwa saħaq li jekk ma jkunx hemm l-imħabba huwa inutli nitkellmu biex nibnu strateġija u fl-istess impenn li huwa ta’ sfida biex niftħu qalbna għal xulxin għal min huwa differenti minna rridu nifhmu l-edukaturi tagħna li għandhom sfidi kontinwi fejn teżisti ħafna diversità fil-klassijiet tagħna.
Il-Ministru enfasizza li bħala soċjetà għandna impenn li ngħixu flimkien u nagħmlu l-isforzi kollha tagħna li bid-differenzi kollha bħala umani rridu nagħżlu sistema personalizzata minn waħda ta’ standaristaion biex lil persuni differenti nilħquhom bl-aħjar mod possibbli.
Il-messaġġ ewlieni tal-Ministru Bartolo huwa li fis-soċjetà edukattiva qiegħdin nagħżlu l-vjaġġ biex flimkien nwaqqgħu l-ħitan bid-diffikultajiet kollha u b’mod uman ngħixu ma’ xulxin, irrespettivament minn fejn wieħed ġej, it-twenmin differenti, kulturi varji, orjentazzjoni sesswali, u oħrajn. Huwa temm jgħid li l-proċess huwa twil għax mhux faċli tbiddel il-mentalità u l-imġieba iżda hemm ir-rieda li nagħmlu differenza. Għaldaqstant ħeġġeg lill-pubbliku inġenerali biex iwassal is-suġġerimenti tiegħu f’dan il-perjodu ta’ konsultazzjoni.
Is-Segretarju Permanenti Francis Fabri qal li l-inklużjoni ġarret magħha definizzjonijiet u interpretazzjonijiet differenti f’kuntesti ta’ żmien u spazji differenti. “Illum qed niġu b’qafas politiku mġedded li waqt li jkompli jibni fuq l-iżvilupp u l-progress preċedenti, qed jirrifletti wkoll kemm il-miri ewlenin tal-Minsiteru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol kif ukoll l-esperjenzi u l-għarfien ta’ msieħba ewlenin fil-qasam. Dan it-tiġdid qed jimxi pari passu mal-politika ta’ edukazzjoni ta’ kwalità u ekwa miġbura fi programmi ta’ tagħlim u ta’ sapport varji u differenti li jsostu l-valur u r-relevanza tat-tagħlim tul il-ħajja. Il-mira hi li s-servizzi edukattivi u ta’ sapport ikunu tabilħaqq ta’ kwalità u ekwi f’kuntest ġust,” saħaq is-Segretarju Permanenti.
L-Assistent Direttur tan-National School Support Services fi ħdan il-Ministeru Josanne Ghirxi aċċennat li l-policy tal-inklużjoni tispjega l-kunċett t’edukazzjoni inklużiva bħala mod differenti ta’ kif id-diversità u d-differenzi individwali għandhom jitqiesu bħala opportunitajiet ta’ tagħlim minflok xkiel, u li l-istudenti kollha jingħataw l-għarfien, il-ħiliet, u l-kompetenzi li għandhom bżonn biex għada pitgħada jkollhom impjieg u jkunu ċittadini attivi f’dinja globalizzata.
Il-konsultazzjoni pubblika se tibqa’ miftuħa sal-10 ta’ Mejju li ġej u d-dokumentazzjonijiet tal-politika nazzjonali A Policy on Inclusive Education in Schools: Route to Quality Inclusion u A National Inclusive Education Framework huma disponibbli fuq edu.gov.mt/inclusion.
Kull min jixtieq jgħaddi suġġerimenti jista’ jibgħat email fuq [email protected]