L-Isqfijiet Maltin jifirħu lill-Isqof ġdid Malti fil-Perù

L-Arċidjoċesi ta’ Malta u d-Djoċesi ta’ Għawdex jingħaqdu fit-talb għall-Isqof-elett 

Fi staqrrija, L-Arċisqof Charles J. Scicluna, l-Isqof Mario Grech u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi awguraw lil Rev. Giovanni Cefai wara l-ħatra mill-Papa Franġisku bħala l-ewwel Isqof tal-Prelatura Territorjali l-ġdida ta’ Santiago Apóstol de Huancané, fil-Perù. 

Dan it-territorju jifforma parti mill-Arċidjoċesi ta’ Arequipa. L-Arċidjoċesi ta’ Malta u d-Djoċesi ta’ Għawdex jingħaqdu fit-talb għall-Isqof-elett biex il-Mulej jagħtih l-għajnuna f’din il-missjoni ġdida bħala suċċessur tal-Appostli.

Rev. Giovanni Cefai twieled iż-Żebbuġ Għawdex fil-5 ta’ Awwissu 1967 u ngħaqad mas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl fl-1984. Segwa korsijiet ta’ preparazzjoni f’Campion House f’Londra, l-Ingilterra, u studja fil-Fakultà tat-Teoloġija (Filosofija u Teoloġija) fl-Università ta’ Malta fejn speċjalizza fit-Teoloġija Pastorali. H

uwa ġie ordnat saċerdot fis-6 ta’ Diċembru 1997. Matul il-ministeru saċerdotali tiegħu Rev. Giovanni Cefai kien direttur taċ-Ċentru Animazzjoni Żgħażagħ De Piro f’Malta, kappillan tal-parroċċa ta’ Santa Cruz u tal-parroċċa ta’ San Pablo Apóstol, it-tnejn fl-Arċidjoċesi ta’ Arequipa fil-Perù, kif ukoll Superjur Reġjonali tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl fil-Perù.

Il-prelatura territorjali ta’ Santiago Apóstol de Huancané li waqqaf illum il-Papa Franġisku hija ffurmata minn 20 parroċċa li fihom jgħixu ftit aktar minn 200,000 persuna li madwar 85% minnhom huma Kattoliċi. Dan it-territorju li fih hemm 15-il saċerdot huwa mifrux fuq 18-il elf metru kwadru ta’ art, 75 darba akbar minn Malta. 

More in Politika