Żewġ films ġodda għal din il-ġimgħa

Din il-ġimgħa fis-swali taċ-ċinema: Dumbo u The Keeper

Dumbo

Atturi Ewlenin: Colin Farrell; Eva Green; Danny DeVito; Michael Keaton; Nico Parker; Finley Hobbins; Alan Arkin.

Direttur: Tim Burton.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 112 min.

Ċert. P.G.

Wieħed mill-aktar films grazzjużi u attraenti, li anki jmiss il-qalb, kien Dumbo (1941), ir-raba' film animat ta' Walt Disney dwar iljunfant ċkejken, b'widnejn enormi li kapaċi jtir. Dan ix-xogħol kommoventi li tassew intgħoġob kemm mill-familji, l-adulti u anki mill-kritiċi, rebaħ Oscar għall-Aħjar Mużika u kellu waħda mill-kanzunetti, Baby Mine nnominata għall-Academy Award. Bħal The Jungle Book, film ieħor animat, issa Dumbo messu t-trattament li jinħadem b'atturi reali, bi stil lussuż, ħafna aktar itwal mill-verżjoni ta' 78 sena ilu, fotografija eċċellenti u xi azzjoni mħarrka. Din il-produzzjoni tiftaħ fl-1919, wara l-Ewwel Gwerra Dinjija b'ferrovija mgħobbija bl-ekwipaġġ, annimali u l-affarijiet kollha taċ-ċirklu Mediċi (eku ta' The Greatest Show On Earth (1953)) iddur l-Istati tas-Sud tal-Amerika biex tagħti wirjiet f'diversi bliet. F'Joplin, Missouri, Milly u Joe (Parker u Hobbins) żewġt itfal b'ansjetà kbira fuqhom ikunu jistennew lil Holt Farrier (Farrell), missierhom ġej lura mill-gwerra, issa b'id waħda amputata. Dan jerġa' jidħol jaħdem ma' Max Mediċi (DeVito), is-sid taċ-ċirklu li għaddej minn sitwazzjoni finanzjarja prekarja. Flimkien, jibdew jieħdu ħsieb iljunfant żgħir b'widnejn esaġerati li għadu kemm twieled u li kulħadd jiddieħak bih. Imma, meta jiskopru li dan Dumbo kapaċi jtir, tant iġib risq lejn iċ-ċirklu li tirpilja sewwa, V. A. Vandemere (Keaton), negozjant tat-tajjeb li ma jitlifx opportunità ta’ qligħ, jakkwista lil Dumbo biex jagħti wirjiet spettakulari fil-post lussuż u kbir tad-divertiment tiegħu, Dreamland. Flimkien ma' Colette (Green), s-sbejħa li tagħti wirjiet akrobatici fl-ajru u Dumbo jsiru l-attrazzjoni speċjali. Holt malajr jinduna li Dumbo hu mnikket, mifrud minn ommu miżmuma msakkra f'ċella bil-ħadid u li Dreamland li qed turi apparenza glamoruża fil-ġewwieni tagħha qed taħbi sigrieti oskuri u ta' għajb. Għalkemm Dumbo fih xi sekwenzi ta' atmosfera mudlama u kerha, dan ix-xogħol jikkumplimenta n-natura tal-oriġinal. Naturalment, b'Burton bħala direttur wieħed jistenna affarijiet eċċentriċi u strambi, b'persuni taċ-ċirklu qishom xi skerz tan-natura, fosthom Indjan b'serp dejjem imdawwar ma' għonqu, raġel iswed qisu ġgant li jgħawweġ il-ħadid, sirena ħoxna msejha Miss Atlantis, eċċ. Dumbo hu rigal ċinematografiku għaż-żmien tal-vaganzi tal-Għid, storja tant maħbuba minn dawk ta' kull età, li tipproġetta rispons emozzjonanti mill-udjenzi u li żgur se tolqot il-gosti tal-familji u ż-żgħar b'mod qawwi!

The Keeper

Atturi Ewlenin: David Kross; Freya Mavor; John Henshaw; Harry Melling; Julian Sands; Chloe Harris; Dervla Kirwan.

Direttur: Marcus H. Rosenmuller.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 119 min

Ċert 12A.

Fl-2007, Bert Trautmann ġie vvotat bħala l-aqwa plejer ta' Manchester City ta' kull żmien. The Keeper (jew Trautmann), produzzjoni bijografika Brittanika/Ġermaniża turi l-vjaġġ li din il-persuna mill-qawmien tiegħu mit-Tieni Gwerra Dinjija bħala suldat għal wieħed mi-leġġendi tal-futbol Ingliż. Bert Trautmann (Kross) jinqabad u jkun priġunier f'kamp ta' internament f'Lancashire. Waqt logħba futbol bejn il-priġunieri jisfida għas-sigaretti li ħadd ma jiskurjalu penalty. Hawn ikun innotat minn Jack Friar (Henshaw), maniġer ta' St. Helen's F.C, tim tad-dilettanti li wara bidu ostili jiskantaw bil-kapaċità tiegħu fil-lasti. Il-ġentilezza u l-ħniena tiegħu, li wkoll tkun reċiprokata mil-lokali, jipperswaduh jibqa' fil-Gran Brittanja, fejn isir iħobb lil Margaret (Mavor), it-tifla ta' Jack. Meta Manchester City jirreġistrawh bħala goalkeeper, fost is-supporters tqum rivoluzzjoni sħiħa talli ġabu Nazista onorat bl-Iron Cross. Ikun wieħed Rabbi Lhudi, maħrub min-Nazi li jippubblika ittra favur tiegħu. Minn hawn jibda l-vjaġġ tiegħu ma' dan it-tim illustri li jilħaq il-quċċata bir-rebħ tal-FA Cup fl-1956, minkejja li kompla jilgħab b'għonqu miksur. Ħajtu tieħu żvolta oħra wara traġedja familjari u jhedded li jieqaf, però issa daħal fil-qlub tal-ispettaturi li saru jammirawh bil-kbir u anki jaraw fih ġentilezza, karità u ħbiberija sinċiera. Trautmann irċieva medalji ta' unur kemm fl-Ingilterra u kemm fil-Ġermanja u anki mingħand ir-Regina Elizabetta II. The Keeper hu wieħed minn dawk imsejħa feel-good movie, mimli nostalġija u sentimentaliżmu iżda li jiżvolġi mexxej sewwa. Film melodrammatiku u divertenti wkoll!

More in Politika