Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne saħaq li l-politiċi ma għandhomx jindaħħlu jekk persuna tkun trid tesprimi devozzjoni personali tiegħu.
Huwa qal dan meta kien mistoqsi mill-ġurnalisti dwar il-kontroversja li qamet ilbieraħ meta f'ċirkolari mibgħuta nhar is-Sibt, iċ-ċentri tas-saħħa kienu mitluba jneħħu kwalunkwe simbolu reliġjuż.
Din id-deċiżjoni ma tantx niżlet tajjeb ma' bosta u l-Ministru Chris Fearne stess talab li din il-parti taċ-ċirkolari tkun revokata waqt li insista li ma kienx konxju tagħha.
Mistoqsi għalfejn ħa din id-deċiżjoni, ġaladarba hemm separazzjoni bejn l-Istat u l-Knisja, id-Deputat Prim Ministru saħaq li din mhijiex kwistjoni dwar is-separazzjoni tal-Istat u l-Knisja.
"Ma hemm l-ebda dubju li hemm separazzjoni bejn l-Istat u l-Knisja. Din mhijiex kwistjoni ta' xi ħadd mill-Knisja jew reliġjuż li qed jindaħal kif jitmexxa d-Dipartiment tas-Saħħa jew xi Dipartiment ieħor tal-Gvern," saħaq il-Ministru Fearne.
Dwar din il-kwistjoni, id-Deputat Prim Ministru saħaq li l-Gvern mhu qed jisforza lil ħadd biex ipoġġi xi simboli reliġjużi, iżda saħaq li min irid jagħmel dan, speċjalment f'dan iż-żmien tal-Ġimgħa Mqaddsa, għandu jħossu liberu li jagħmel dan.
Mistoqsi jekk dan jgħoddx ukoll għal simboli ta' reliġjonijiet oħra, il-Ministru tenna li din hija xi ħaġa personali u la l-Gvern u lanqas il-politiċi ma għandhom jidħlu fiha.