Jintensifika l-ġlied fi Tripli ... eluf jaħarbu mill-kapitali

Aktar kmieni llum ġie attakkat ukoll l-uniku ajruport li għadu jiffunzjona fi Tripli

Skont il-Ġnus Magħquda, minn tal-inqas 2,800 persuna ħarbu minn djarhom minħabba l-ġlied qalil li għaddej viċin il-kapitali Libjana Tripli.

Apparti dan, eluf oħra li jixtiequ jaħarbu jinsabu maqbuda u ma jistgħux jiċċaqilqu, bil-Ġnus Magħquda tinsisti li huma nieqsa minn servizzi vitali ta’ emerġenza.

Forzi mmexxija minn Gen Khalifa Haftar bdew attakk qalil fuq il-belt bil-għan li joħduha minn idejn il-Gvern li jgawdi l-appoġġ tal-Ġnus Maqgħuda.

Intant, il-Prim Ministru Fayez al-Serraj akkuża lil Gen Haftar b’attentat ta’ kolp ta’ stat u saħaq li r-ribelli se jkunu mwaqqfa bil-forza.

Skont il-Ministeru għas-Saħħa, minn tal-inqas 25 persuna nqatlu filwaqt li madwar 80 persuna weġġgħu u dawn jinkludu mhux biss suldati iżda anke nies ċivili.

Aktar kmieni, il-Ġnus Magħquda appellat għal sagħtejn waqfien mill-ġdid sakemm dawk imweġġa’ jkunu jistgħu jiġu evakwati iżda l-ġlied baqa’ ma waqafx.

Intant, diversi pajjiżi bdew jevakwaw uffiċjali u ħaddiema tagħhom mil-Libja, fosthom anke l-Istati Uniti li evakwat il-ħaddiema tagħha fl-Ambaxxata Amerikana fi Tripli.

Apparti minn hekk, illum ukoll, kien irrappurtat attakk fuq l-uniku ajruport li għadu jiffunzjona fi Tripli.

Ajruplan mhux identifikat għadda minn fuq il-mitjar u waddab bomba waqt li passiġġiera kienu qed jistennew biex jitilgħu abbord it-titjira tagħhom.

Għalkemm ħadd ma weġġa’ f’dan l-attakk, il-Gvern Libjan immedjatament weħħel fil-forzi tal-ġeneral Khalifa Haftar.

L-ajruport ta' Mitiga ftit wara l-attakk
L-ajruport ta' Mitiga ftit wara l-attakk

More in Politika