Dalgħodu, il-Prim Ministru Joseph Muscat żar il-kumpanija u fakkar li din il-kumpanija tal-farmaċewtika se tkun qed tkompli tespandi permezz ta’ laboratorju ġdid b’investiment ta’ €3 miljun fejn se tkun qed taħdem fil-qasam tal-onkoloġija.
Dan it-tkabbir se jfisser 20 post tax-xogħol ġdid ta’ kwalità għal numru ta’ gradwati fix-xjenza li se jagħmlu użu minn dan il-laboratorju li se jkun mgħammar bl-aqwa teknoloġija.
Fi stqarrija, maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, ntqal kif din l-espansjoni tal-Aurobindo qed tingħaqad ma’ espansjonijiet oħra li wettqu operaturi oħra f’dan il-qasam f’Malta fejn fost is-26 kumpanija, ġew approvati 11-il espansjoni approvati mill-Malta Enterprise fl-aħħar 5 snin.
Il-Prim Ministru qal li Aurobindo hija ditta rikonoxxuta mad-dinja kollha li timpjega mal-20,000 ruħ u għandha d-dritt li tbiegħ l-prodotti li timmanifattura f’100 pajjiż, inkluż f’ħafna pajjiżi Ewropej.
Huwa saħaq li dan is-settur huwa xprun ewlieni fl-ekonomija Maltija u jinkludi fih il-manifattura tal-farmaċewtiċa (kemm il-pilloli u l-kimika li tmur fil-mediċina), il-produzzjoni ta’ medical devices u l-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni.
Temm ifakkar li fl-aħħar 5 snin kien hemm żieda ta’ kważi 11% jew €28 miljun f’dak li esportat l-industrija tal-farmaċewtika.