Tiswijiet fuq 17-il triq f'Buġibba u l-Qawra

Minn nhar it-Tnejn se jibda x-xogħol fuq diversi toroq madwar Buġibba u l-Qawra

Waħda mit-toroq li se jkunu rranġati
Waħda mit-toroq li se jkunu rranġati

Infrastructure Malta se tibda tiswijiet estensivi fi 17-il triq f’Buġibba u l-Qawra biex tnaqqas il-ħsarat u d-diffikultajiet li qed joħolqu lir-residenti u dawk li jivvjaġġaw fihom, sakemm jinbnew mill-ġdid b’mod sħiħ bħala parti mill-investiment ta’ €700 miljun għal toroq aħjar madwar il-pajjiż.

Ma’ sbieħ it-Tnejn li ġej (15 ta’ April), diversi kuntratturi tal-aġenzija se jibdew jirranġaw il-wiċċ ta’ dawn it-toroq. Ix-xogħlijiet se jissuktaw sa kmieni l-ġimgħa ta’ wara, ħlief f’jum il-Ġimgħa l-Kbira u f’Sibt u Ħadd il-Għid. It-toroq fejn se jsiru tiswijiet jinkludu Triq Isouard, Triq Toni Bajada, Triq Ċensu Tanti, Triq iċ-Ċagħaq, Triq l-Ibħra, Triq il-Ġifen, Triq Sant’ Antnin, Triq il-Ħalel, Triq iċ-Ċern, Triq is-Sajjieda, Triq J. Quintinus, Triq Annetto Caruana, Triq il-Port Ruman, Triq il-Maskli, Triq l-Imħar, Dawret il-Gżejjer u Triq ir-Ramel.

L-aċċess bil-mixi f’dawn it-toroq u d-djar u n-negozji li hemm fihom se jibqa’ miftuħ f’kull ħin. Madankollu, waqt ix-xogħlijiet fil-ġimagħtejn li ġejjin partijiet mit-toroq jistgħu jkunu magħluqin għall-karozzi. Infrastructure Malta ikkordinat dawn ix-xogħlijiet mal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, li qed iwaħħal tabelli biex javża fejn ma jistgħux jitħallew karozzi pparkjati. Jekk dawn it-tabelli jiġu injorati, il-karozzi li jitħallew ipparkjati fit-toroq imsemmijin mit-Tnejn filgħodu ‘l quddiem jiġu rmunkati, skont kif titlob il-liġi, biex ix-xogħol ikun jista’ jsir bla dewmien.

Ħafna toroq fl-inħawi ta’ Buġibba u l-Qawra, f’San Pawl il-Baħar żviluppaw ħafna ħsarat matul is-snin. Fil-ġimagħtejn li ġejjin, Infrastructure Malta se tirranġa b’mod temporanju 17 minnhom li l-aktar jeħtieġu attenzjoni, sakemm ikun imisshom jinbnew totalment mill-ġdid bħala parti mill-investiment nazzjonali ta’ €700 miljun għat-titjib tat-toroq fis-seba’ snin li ġejjin. Għaxra mit-toroq li se jinbdew din is-sena bħala parti minn dan l-investiment jinsabu f’San Pawl il-Baħar. Diġà beda l-bini mill-ġdid ta’ Triq it-Turisti, Triq il-Luzzu u Triq Għawdex. Infrastructure Malta dalwaqt se tibda wkoll Triq San Pawl, triq ewlenija li tgħaqqad din il-lokalità max-Xemxija u Burmarrad.

Għal aktar informazzjoni u għajnuna, ikkuntattja lil Infrastructure Malta fuq 2334 1000, [email protected] jew Facebook – fb.me/infrastructuremalta

Mappa  li turi liema toroq se jkunu rranġati
Mappa li turi liema toroq se jkunu rranġati

 

More in Politika