"Qed inħabbtu l-bibien biex inwasslu l-messaġġ li aħna l-partit tan-nies u li jinteressana minn dak li qed jolqot il-ħajja tagħhom ta' kuljum.", hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta indirizza seminar ta' taħriġ għal-kandidati li se jikkontestaw l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali f'Mejju li ġej.
Delia qal li l-familji Maltin u Għawdxin qegħdin jaffaċċjaw bosta diffikultajiet speċjalment minħabba n-nuqqas ta' ippjanar mill-Gvern u minħabba t-tkabbir tal-popolazzjoni bla rażan. Huwa qal li mhux biss żdied il-faqar iżda l-middle class mhix tlaħħaq mal-prezzijiet dejjem jiżdiedu tal-ikel u tal-prodotti essenzjali.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li għalhekk il-kandidati tal-PN qegħdin jaħdmu flimkien f'tim wieħed f'kull lokalità, flimkien għal pajjiżna.
Is-seminar kien indirizzat ukoll mis-Segretarju Ġenerali tal-PN Clyde Puli li qal li l-kandidati tal-Partit Nazzjonalista għandhom jisimgħu u jirriflettu l-aspirazzjonijiet tan-nies fil-lokalitajiet tagħhom.
Matul dan is-seminar li kien organizzat mill-Kulleġġ Kunsillieri Lokali tal-Partit Nazzjonalista (KKLPN), il-kandidati għall-elezzjonijiet lokali ngħataw taħriġ dwar l-użu tal-mezzi soċjali, l-preżenza onlajn, l-etika u l-liġijiet elettorali. Fost il-kelliema li ndirizzaw is-seminar kien hemm il-Kap tal-PN Adrian Delia, s-Segretarju Ġenerali tal-PN Clyde Puli, l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kunsilli Lokali Robert Cutajar, id-Direttur tal-Kunsilli Lokai tal-PN Charles Bonello, d-Direttur tal-ELCOM Angelito Sciberras u l-President tal-KKLPN Pierre Portelli.