Opinjoni | Inħallu d-deċiżjoni f’idejn l-Għawdxin

Inħoss li ma saritx biżżejjed diskussjoni fuq il-problemi li jista’ jkollhom impatt serju fuq Għawdex

Għawdex jiddependi għall-għajxien mill-eluf ta’ turisti u Maltin li kull sena jżuru l-gżira biex igawdu l-kwiet u l-karattru uniku Għawdxi li dejjem offra Għawdex. Intqal ħafna li l-mina tal-karozzi se tiffaċilita l-vjaġġar għax-xogħol, u li influss ikbar ta’ nies se jġib miegħu iktar kummerċ. Veru. Iżda jien inħoss li ma saritx biżżejjed diskussjoni fuq il-problemi li jista’ jkollhom impatt serju fuq Għawdex. 

Pereżempju, il-karozzi li se joħonqu t-toroq darba kwieti t’Għawdex, bil-ħoss, dħaħen u nuqqas ta’ parkeġġ li inevitabbilment iġibu magħhom. L-uġigħ ta’ ras li ħafna Għawdxin jistqarru li jiġu lura bih meta jżuru Malta, issa se jiġi f’Għawdex?

U kemm ġiet imwissija n-nies li bil-mina tal-karozzi li f’Għawdex jista’ jiġri dak li ġara f’Malta l-aħħar snin, jiġifieri żvilupp sfrenat fejn bini tradizzjonali jitwaqqa’ biex floku jitilgħu blokok ta’ konkrit bla karattru, u tibda tonqos il-kampanja?

U kemm ġiet imwissija n-nies li bil-mina tal-karozzi jista’ jiġri f’Għawdex dak li ġara f’Malta l-aħħar snin, jiġifieri żvilupp sfrenat...?

F’kelm’oħra, Għawdex jista’ jsir kopja ta’ Malta, u wieħed irid jistaqsi jekk Għawdex jitlef l-identità tiegħu, it-turisti tibqagħlhomx l-istess ħeġġa li jiġu jżuru? U l-Maltin li s-soltu jiġu bl-eluf għal btajjel, se jibqa’ jattirahom Għawdex jew jiżdied l-interess fi Sqallija li mhijiex kopja ta’ Malta imma toffri l-kampanja u t-trankwillità li kienet toffri Għawdex qabel il-mina?

Jien nemmen li qabel ma tittieħed deċiżjoni, irid ikun hemm diskussjoni serja dwar kif il-vantaġġi jistgħu jigu milħuqa bit-titjib u ż-żidiet ta’ mezzi ta’ trasport bejn il-gżejjer, bħalm’huma aktar vapuri, Fast Ferry, ħelikopter u forsi wkoll metro, jekk hu fil-fatt vijabbli.

Għandna nqisu wkoll il-possibbiltà li nestendu r-runway tax-Xewkija. L-istudji tagħna jissuġġerixxu li runway ta’ madwar 1.5 kilometru tista tippermetti tip ta’ ajruplan, bħad-Dash-8 Q400, li hu kapaċi jittrasporta 90 persuna lejn l-ajruport ta' Malta f’madwar 10 minuti. Naħsbu li l-ispiża ta’ vjaġġ wieħed tista' tkun madwar €25 jekk mhux inqas. Benefiċċji oħra huma ż-żieda fit-turiżmu minn pajjiżi tal-Mediterran u żjarat minn persuni bi qligħ għoli bil-business jets. Il-Forzi Armati għandhom jibbenefikaw ukoll minn proġett bħal dan.

Dan jista’ jagħmel it-trasport aktar faċli għall-Għawdxin li jaħdmu Malta u l-istudenti tal-Università, filwaqt li ma jheddidx il-karattru Għawdxi kif aktarx tagħmel il-mina tal-karozzi. Imma l-Għawdxin ġew ikkonsultati jekk iridux jew le, jew il-Gvern qiegħed jiddeċiedi mingħajr ma jqis lill-Għawdxin?

Jien ġa pproponejt li d-deċiżjoni finali dwar il-mina ssir wara referendum fost l-Għawdxin biss. Biex titressaq din il-possibbilità, inkunu rridu niġbru 40,000 firma għall-petizzjoni għar-referendum

Biex isir dan, l-Għawdxin irid ikollhom verament leħen, u mhux jiddeċiedu f’isimhom il-politiċi jew dawk li għandhom interess li ssir il-mina tal-karozzi. Jien diġà pproponejt li d-deċiżjoni finali dwar il-mina ssir wara referendum fost l-Għawdxin biss. Biex titressaq din il-possibbiltà, inkunu rridu niġbru 40,000 firma għall-petizzjoni għar-referendum. Għaldaqstant, importanti li l-Għawdxin isemmgħu leħinhom issa, qabel ma jkun tard wisq, imma napprezza wkoll li din diffiċli fil-kultura li ngħixu fiha aħna llum.

Biex nikkonkludi, jien nemmen li jekk issir din il-mina, din se tibdel lil Għawdex għal dejjem. Mhux kulħadd iħoss li dan se jkun għall-aħjar, u bir-raġun. Jien nemmen li kemm jekk favur jew kontra, id-deċiżjoni għal proġett bħal dan m’għandhiex tkun biss f’idejn il-politiċi jew xi entitajiet oħra li għandhom interess li l-mina ssir, iżda f’idejn iċ-ċittadini Għawdxin.

Martin Cauchi Inglott huwa kandidat f’isem il-Partit Demokratiku għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew

More in Politika