Il-PN jipproponi miżuri biex iktar negozji jgawdu minn fondi Ewropej

Il-PN, fost affarijiet oħrajn qed jipproponi li jaħdem biex jittellgħu fieri ta' esposizzjoni tal-prodotti u l-ideat Maltin fi Brussell bħala parti mill-mandat tal-MEPs eletti mill-PN

Il-Konferenza tal-PN illi fiha għamel proposti dwar in-negozji
Il-Konferenza tal-PN illi fiha għamel proposti dwar in-negozji

Il-Partit Nazzjonalista f'konferenza l-Mosta sostna li jixtieq illi permezz tal-MEPs tiegħu jagħmel pressjoni mill-Parlament Ewropew biex in-negozju Malti jkun jista' jikkompeti aktar għall-fondi Ewropej. "Dan billi nattiraw aktar fondi diretti għan-negozji ż-żgħar u l-industrija Maltija. Il-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew se jaħdem biex tiżdied ir-rata ta' suċċess tal-kumpaniji Maltin li jixtiequ jużaw fondi Ewropej biex ikabbru l-operat u l-ideat tagħhom."

Hekk sostna Edwin Vassallo Kelliem tal-Oppożizzjoni għan-Negozji Żgħar tal-PN li nieda l-proposti tal-PN għall-qasam tan-negozju flimkien mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Fondi Ewropej Robert Cutajar u l-Kandidat tal-PN għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Peter Agius.

Il-PN, fost affarijiet oħrajn qed jipproponi li jaħdem biex jittellgħu fieri ta' esposizzjoni tal-prodotti u l-ideat Maltin fi Brussell bħala parti mill-mandat tal-MEPs eletti mill-PN b'mod li nwessgħu l-opportunitajiet ta' networking tal-kumpaniji u l-industriji Maltin. Qed jipproponi wkoll li jkunu integrati aktar l-industrija u n-negozju mad-dinja tar-riċerka u l-akkademja, b'partnerships ukoll ma' istituzzjonijiet barranin. "Ir-rata ta' suċċess tal-proġetti għal fondi diretti tiżdied aktar ma jkun hemm parteċipanti mill-qasam tar-riċerka u kif jiżdiedu l-parteċipanti minn pajjiżi oħra," ifakkar il-PN, 

Edwin Vassallo qal li minn rapport reċenti tal-Bank Ċentrali joħroġ ċar li n-negozji qed tonqsilhom il-fiduċja fil-ġejjieni u qed jaraw il-profitti neqsin. Huwa qal li jeħtieġ li nagħtu fiduċja u kuraġġ lin-negozji tagħna, fosthom in-negozjanti ż-żgħar li jħaddmu l-maġġorparti tal-impjiegi fil-pajjiż, biex dawn jisfruttaw il-fondi Ewropej speċjalment f'setturi ġodda innovattivi.

Robert Cutajar qal li hemm fondi Ewropej li s'issa mhux nużaw tajjeb, fond li trid tikkompeti għalihom, li jingħataw lil proġetti li jikkonvinċu lill-Kummissjoni Ewropea li se jinvestu fuq kunċetti innovattivi u fir-riċerka. Huwa qal li jeħtieġ nippromwovu aktar koperazzjoni bejn iċ-ċentri edukattivi u l-università mal-fabbriki u l-industrija.

Peter Agius qal li 30% tal-fondi Ewropej ma jgħaddux għand il-Gvernijiet iżda jitqassmu direttament mill-Kummissjoni Ewropea fuq proġetti li jikkompetu bejniethom l-SMEs u l-industrija fl-oqsma tal-innovazzjoni, ir-riċerka u proġetti ta' żvilupp ta' prodotti u servizzi ġodda. F'Malta kellna rata ta' suċċess baxxa ħafna fil-kompetizzjoni għal dawn il-proġetti u ħadna l-anqas fondi fost il-pajjiżi Ewropej.

Dawn il-proposti tal-Partit Nazzjonalista se jiġu diskussi u spjegati f'laqgħat apposta għas-settur tan-negozju. Il-Partit Nazzjonalista se jibqa' jkun il-vuċi u t-tarka tan-negozju Malti, li huwa mutur ewlieni tal-ekonomija Maltija. Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll il-kandidata għall-elezzjonijiet lokali ta' Birkirkara Deborah Mifsud.

More in Politika