Tonqos in-nefqa annwali tat-turisti f'Malta fl-2018

Minkejja dan fi Frar, in-numru ta’ turisti li ġew Malta żdied 'moderatament '

Skont l-aħħar aġġornament ekonomiku mill-Bank Ċentrali ta' Malta, fi Frar, in-numru ta’ turisti li ġew Malta żdied moderatament fuq is-sena ta' qabel, filwaqt li l-infiq mit-turisti f’Malta naqas f’termini annwali. 

Skont l-istess aġġornament,ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) telgħet għal 1.3% fi Frar minn 1.0% f’Jannar. Fl-istess waqt, r-rata bbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut, li huwa l-kejl aktar relevanti tal-inflazzjoni fil-prezzijiet għall-konsum domestiku, aċċellerat għal 1.9% minn 1.5%. 

Dan l-aġġornament kien ibbażat fuq informazzjoni li kienet disponibbli sal-11 ta’ April 2019. 

Apparti minn dan, l-Indiċi tal-Bank rigward il-Kundizzjonijiet tan-Negozju batta meta mqabbel max-xahar ta’ qabel, iżda kompla jissuġġerixxi kundizzjonijiet aħjar mill-medja. Filwaqt li s-sentiment ekonomiku naqas ukoll hekk kif ġie rreġistrat tnaqqis fil-fiduċja fil-biċċa l-kbira tas-setturi, bl-eċċezzjoni tas-settur tal-bejgħ bl-imnut fejn kien hemm irkuprar fil-fiduċja.

Il-produzzjoni industrijali naqset ukoll bi ftit f'termini annwali. Min-naħa l-oħra, il-bejgħ lill-konsumaturi żdied meta mqabbel ma’ Frar 2018. Il-kundizzjonijiet fis-suq tax-xogħol baqgħu favorevoli, hekk kif in-numru ta’ nies qiegħda rreġistrati baqa’ baxx minn perspettiva storika. Ir-rata tal-qgħad telgħet bi ftit għal 3.5% minn 3.4% f’Jannar 2019. 

Finalment id-depożiti tar-residenti mal-banek f’Malta żdiedu b’7.1% matul it-tnax-il xahar sa Frar, filwaqt li l-kreditu lil residenti f’Malta żdied b’6.3%. 

More in Politika