L-Ewroparlamentari David Casa, fi stqarrija dwar is-sottomissjoni tan-nomina tiegħu għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, għażel li jirringrazzja lill-eks kapijiet Nazzjonalisti Eddie Fenech Adami, Lawrence Gonzi u Simon Busuttil u injora għal kollox lill-kap attwali Adrian Delia.
Casa rringrazja kemm lil Fenech Adami, lil Gonzi u lil Busuttil għax kienu huma li ffirmaw in-nomina tiegħu u waqt li wiegħed li se jkompli “jonora l-legat tagħhom fil-ħidma tiegħu,” fi stqarrija sħiħa għażel li ma jagħmilx referenza waħda għal Delia.
“Il-korruzzjoni hu serq min-nies onesti u u bieżla. Wara li nqabdu jisirqu, abbużaw mill-poter u ħatfu l-istituzzjonijiet. L-istituzzjonijiet qegħdin hemm biex jipproteġu liċ-ċittadini onesti, u issa minflok qed jipproteġu lill-politiċi korrotti. Xogħoli hu li niddefendi lin-nies, biex inkun fuq in-naħa tagħhom. Dak hu li għamilt u dak li se nkompli nagħmel jekk nerġa’ niġi elett,” saħaq Casa wara li ppreżenta n-nomina tiegħu.
Huwa insista li se jkompli jaħdem biex l-UE jkollha aktar saħħa għal superviżjoni fuq ħasil tal-flus u li jinħolqu strutturi li jistgħu jieħdu ħsieb investigazzjonijiet fuq korruzzjoni internazzjonali.
Casa fakkar ukoll f’dawk li wettaq fl-aħħar ħames snin, fosthom tkellem dwar id-Direttiva tal-Bilanċ bejn il-Ħajja u x-Xogħol li fi kliemun se żżid b’mod drastiku d- drittijiet tal-ġenituri u l-carers f’Malta u Għawdex.
“It-tkabbir ekonomiku waħdu mhux biżżejjed. Id-drittijiet tal-ħaddiema jridu jiżdiedu flimkien mal-progress ekonomiku. It-tkabbir għandu jwassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar għall-poplu Malti, biex in-nies ikollhom aktar x’jonfqu,” insista Casa.
“Dan mhux qed iseħħ bħalissa,” kompla jisħaq filwaqt li fakkar f’rapporti li fi kliemu wrew kif il-pagi f’Malta huma staġnati.