Għadu ma kien hemm l-ebda attivitajiet f'din il-kampanja elettorali li għadha lanqas biss bdiet, iżda l-billboards ma naqsux.
Wara l-iżball ortografiku li l-Partit Nazzjonalista ħa f'wieħed mill-billboards, il-Partit Laburista ħa x-xoqqa f'moxtha u dlonk tella' billboard ieħor biex iwaqqa' għaċ-ċajt lill-Partit Nazzjonalista.
Il-Partit Nazzjonalista, ilbieraħ filgħaxija tella' billboard bil-kliem: "Il-ħajja tkompli togħla għalik," iżda flok 'togħla,' kiteb 'tgħola,' żball li mill-ewwel ġie nnutat, tant li sa dalgħodu l-Partit Nazzjonalista kellu jagħmel il-billboards mill-ġdid.
Iżda l-Partit Laburista ma baqax b'idu fuq żaqqu u minkejja li l-kampanja elettorali tiegħu tibda nhar il-Ħadd, tella' billboards ta' malajr biex mhux biss iwaqqa' għaċ-ċajt lill-Partit Nazzjonalista għal dan l-iżball, iżda anke biex jgħaddi messaġġ.
Il-Partit Laburista qabad it-tema "Flimkien għal Pajjiżna" li għażel il-Partit Nazzjonalista u rranġaha (attaparsi żball) biex ġiet: "Flimkien kontra Pajjiżna."
Imsomma, mhux ġejja kampanja ta' elezzjoni ġenerali, iżda jidher li l-partiti mhux se joqogħdu lura mill-batibekki!