It-tqassim tal-voti, għal dawk eliġibbli li jivvutaw skont l-aħħar Reġistru Elettorali, se jibda minn għada t-Tlieta 23 ta’ April, 2019.
Fi stqarrija, il-Kummissjoni Elettorali qed tavża lill-eletturi kollha ta’ Malta u Għawdex li t-tqassim se jsir kuljum bejn it-8.00 a.m. u s-1.00 p.m. u bejn it-3.00 p.m. u d-9.00 p.m., sa nhar is-Sibt l-4, jew il-Ħadd, 5 ta’ Mejju 2019, skont id-distretti elettorali.
Il-Kummissjoni ażvat li huwa importanti li fid-dar ikun hemm xi persuna responsabbli u li ma tkunx taħt is-16-il sena biex tirċievi u tiffirma għad-dokumenti tal-votazzjoni
Fakkret li l-liġi elettorali tippermetti li rappreżentanti tal-partiti politiċi jakkumpanjaw lill-uffiċjali tal-Pulizija waqt it-tqassim ta’ dawn id-dokumenti.
Dawn se jkunu provduti b’biljett ta’ awtorizzazzjoni maħruġ mill-Kummissjoni Elettorali sabiex jintwera meta jkun hemm il-ħtieġa.