Għat-tieni darba, fl-Imdina mhux se tkun qed issir elezzjoni lokali, hekk kif l-ammont ta' kandidati li kkontestaw għal din l-elezzjoni ma kienx biżżejjed biex issir elezzjoni.
Fil-fatt, l-aħħar tliet elezzjonijiet lokali fl-Imdina saru fl-2006 u fl-2009, għax fl-2013 ukoll ma kienx hemm bżonn li ssir elezzjoni għall-istess raġuni ta’ din is-sena.
Kieku kellha ssir elezzjoni, xi jkun ir-riżultat? X’aktarx li kien ikun simili għar-riżultati tal-2006 u tal-2009, fejn il-Partit Nazzjonalista dejjem kien fuq quddiem.
L-elezzjoni lokali tal-2006 ntrebħet mill-Partit Nazzjonalista li kiseb 151 vot, jew 72% tal-voti, filwaqt li l-Partit Laburista kiseb 33 vot, jew 15% tal-voti. Kandidat indipendenti kien kiseb 12-il vot u kandidat f’isem Azzjoni għall-Imdina kiseb 13-il vot.
Kien imiss elezzjoni lokali oħra fl-2009 u din saret mal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew kif kieku kien se jiġri din is-sena.
Il-Partit Nazzjonalista żamm f’idu l-kunsill tal-belt l-antika wara li kiseb 83% tal-voti, jiġifieri 182 vot, filwaqt li l-Partit Laburista baqa’ kważi fejn kien biex kiseb 37 vot.
La din is-sena, elezzjoni mhux se ssir, hu mifhum li l-Kunsill Lokali tal-Imdina se jkun iffurmat minn:
Peter Joseph Dei Conti Sant Manduka, Joseph Debono, Alfred Barbaro Sant u Camilla Scerri f’isem il-Partit Nazzjonalista u Mary Ann Sultana f’isem il-Partit Laburista.