Waqt attività f'Ħal Tarxien il-PM Joseph Muscat qal illi l-Partit Laburista, meta daħal fil-Gvern, mhux sodda mifruxa sab fil-qasam tal-finanzi tal-pajjiż, imma "balla ta' €250 miljun f'defiċit." Hu qal dan hekk kif illum ċifri tal-Eurostat żvelaw kif is-sena l-oħra pajjiżna għamel surplus ta' €250 miljun.
"Aħna writna dejn li kien 70% tal-ekonomija. Illum dan naqqsnieh għal 45%, jiġifieri qed inħallsu inqas imgħaxxijiet. Il-flus qed imorru biex inżidu l-pagi, inħaddmu l-infermieri, inżidu l-pensjonijiet ... hemmhekk tagħmel id-differenza," sostna l-Mexxej Laburista.
"Dawwarna r-rotta," sostna Muscat. "Illum qed immexxu bl-istess kunċett li bih tmexxi l-familja. Ara qabel kellna familji bilgħaqal u gvern ħali u llum għandna familji bilgħaqal u gvern bilgħaqal ukoll."
Muscat semma' kif qabel il-poplu kellu jħallas prezz għoli għall-politika ta' Gvern Nazzjonalista, "b'mediċini out-of-stock u kontijiet ogħla tad-dawl u ilma."