Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li t-tkabbir ekonomiku bla preċedent li ra l-pajjiż fl-aħħar snin għandu jikkalma fis-snin li ġejjin, għax fi kliemu ċertu setturi mhux ippreparati għalih.
Edward Scicluna kien qiegħed jitkellem waqt attività tal-Konferenza Ġenerali Annwali tal-Partit Laburista li saret fil-lukanda Phoenicia.
“Aħna nkunu kuntenti li nżommu tkabbir ta’ 6% fis-sena, iżda jeħtieġ li dan jinżel imqar għal 5.7%,” saħaq il-Ministru. “Ir-raġuni wara dan huwa l-fatt li t-tkabbir ipoġġi pressjoni fuq l-infrastruttura, li ma kinitx ippreparata għal dan it-tkabbir. Ħafna setturi ma kinux ippreparati.”
Minkejja dan, il-Ministru qal li Malta qed timxi ma’ mudell ta’ żvilupp sostenibbli u li hu jibqa’ jiddefendih.
Is-sena li għaddiet, Malta rat tkabbir fl-ekonomija ta’ 7.1% u kien waqt li qed jispjega dan li l-Ministru insista li t-tkabbir qiegħed iseħħ b’rata wisq mgħaġġla.
“Aħna konna konsistenti mill-2013 ‘il quddiem u rajna t-tielet surplus konsekuttiv, iżda sal-2020, nittamaw li nillimittaw dan it-tkabbir,” qal il-Ministru.
Il-Ministru kompla jisħaq li l-investimenti se jibqgħu prijorita għall-Gvern. “Aħna rridu nibqgħu ninvestu l-flus li l-Gvern qiegħed jiġġenera,” qal il-Ministru
Waqt li kkritika l-argumenti tal-Oppożizzjoni dwar il-faqar, il-Ministru qal li ma jaf bl-ebda pajjiż li ma għandux il-każijiet tiegħu ta’ faqar.
“Għandek tiġġudika lill-Gvern fuq kemm naqqas il-faqar. Fil-fatt, dawk f’riskju ta’ faqar naqsu għal 19.3%,” qal il-Ministru.
Dwar il-programm taċ-ċittadinanza b’investiment, magħruf bħala Individual Investors Program, il-Ministru insista li d-dħul iġġenerat minn dan il-programm huwa biss 0.5% biss mis-surplus li għamel il-Gvern.