Tlettax-il organizzazzjoni ngħaqdu biex jikkundannaw il-vot li ttieħed fl-Parlament nhar il-Erbgħa li għadda dwar il-mozzjoni li tagħti appoġġ politiku għall-mina ta’ bejn Malta u Għawdex.
Fi stqarrija, l-organizzazzjonijiet saħqu li huwa irresponsabbli l-Parlament iddikjara l-appoġġ tiegħu dwar il-mina qabel ma saru jew ġew ippubblikati “studji indipendenti, serji u ħolistiċi.”
“L-impatti tal-mina għadhom mhumiex magħrufa,” insistew l-organizzazzjonijiet.
Huma saħqu li filwaqt li din il-mozzjoni m’għandhiex implikazzjonijiet ta’ rbit legali, iżda hija sempliċiment affermazzjoni tal-impenn politiku li tinbena mina, xorta waħda saħqu li dan huwa impenn għami peress li, f’dan l-istadju, data u studji kruċjali ma ġewx ippreżentati.
“Huwa dubjuż jekk mina relattivament dejqa, b’korsija waħda f’kull direzzjoni, li minnha se jgħaddu sa 9,000 karozza kuljum, hix se tnaqqas verament il-medja tal-ħin tal-vjaġġ, meta tikkunsidra l-kapaċità tal-istess mina kif ukoll il-konġestjoni tat-traffiku fit-toroq li jwasslu għaliha jew li jitilqu minnha,” saħqu l-organizzazzjonijiet.
L-organizzazzjonijiet komplew jisħqu li filwaqt li din il-mozzjoni li ġiet approvata tirreferi għal studji li jridu jsiru u jiġu ppubblikati, insistew li s-sens komun jgħidlek li l-impenn lejn l-opzjoni tal-mina għandu jittieħed wara li jkunu saru jew ġew ippubblikatin dawn l-istudji, mhux qabel.
“Barra minn hekk, dawn l-istudji m’għandux ikollhom l-opzjoni tal-mina bħala l-punt tat-tluq, imma għandhom jikkumparaw b’mod oġġettiv opzjonijiet differenti fejn jidħlu spejjeż, impatti u effikaċja, inkluż, per eżempju, servizz ta’ katamaran veloċi,” kompliet l-istqarrija.
Temmew jisħqu li filwaqt li wieħed jagħraf bis-sħiħ il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-isfidi ta’ mobbiltà li jesperjenzaw il-ħaddiema u l-istudenti Għawdxin, diskussjoni nfurmata dwar l-aħjar opzjoni possibbli biex jiġu ndirizzati dawn l-isfidi tista’ tibda biss wara li jsiru u jiġu ppubblikati studji li jqabblu opzjonijiet differenti.
It-13-il organizzazzjoni li ffirmaw l-Istqarrija huma:
Din l-Art Ħelwa, Ramblers' Association of Malta, Nature Trust (Malta), BirdLife Malta, Friends of the Earth Malta, Moviment Graffitti, The Archaeological Society Malta, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Kamra tal-Periti, Futur Ambjent Wieħed, Isles of the Left, Bicycle Advocacy Group u Żminijietna – Leħen ix-Xellug.