Dalgħodu waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali f’Tal-Pietà, Il-Membru tal-Parlament Ewropew Francis Zammit Dimech, saħaq "li l-Gvern qed ikun xħiħ u jissupplixxi mediċini inferjuri, minflok l-aqwa mediċini.
L-MEP qal li huwa sar jaf b'dan kollu wara indagar speċifiku li għamel fosthom, f’diskussjonijiet ma’ professjonisti varji fis-settur.
Fid-dawl ta' hekk l-MEP, iddikjara li għandu jiġi kkunsidrat il-proċess kollu tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għall-mediċina.
“Ma tistax titratta dawn it-tenders bħal meta qed tixtri siġġijiet u l-imwejjed. Il-Gvern flok jati l-aħjar trattament jikkunsidra biex jġib l-irħas mediċina. Għandu jiġi kkunsidrat il-proċess kollu.”
L-MEP żied jgħid li m’huwiex minnu li l-Gvern Malti huwa marbut legalment ma’ ditti ġeneriċi ta’ mediċini għaliex skont indagar li hu għamel ,pajjiżi oħra jimxu b’sistema differenti u jagħżlu l-aqwa ditti.
Apparti minn hekk, Zammit Dimech qal li dan huwa qasam sensittiv u għalhekk għandu jkun prijorità tal-Gvern.
“Għall-Gvern preżenti dan m’huwiex il-każ, għax fejn hemm flus għall-affarijiet oħra fosthom il-korruzjoni li jgawdu biss minnha l-magħżula, il-Gvern qed ikun xħiħ fuq il-mediċina,” saħaq l-MEP.
Waqt il-Konferenza li fit-totalità tagħha kienet titratta is-settur tas-saħħa, il-Kelliem tal-Opożizzjoni għas-Saħħa, Stephen Spiteri qal li, “qed ninnutaw kurja inferjuri, il-ġenituri qed jinnutaw li t-tfal tagħhom li jbatu minn diżordnijiet ta’ mġieba flokk qed imorru għal aħjar qed jispiċċaw imorru għall-agħar. "
Spiteri għamilha ċara li, “bħala partit irridu naraw bħala partit illi tingħata l-aħjar kura u mediċina f’dan il-qasam, filwaqt li nagħmlu pressjoni biex jinbidel il-mod tal-prokura.”