Meta ilejla kien qed jindirizza lid-Delegati Laburisti d-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Chris Cardona għamel appell qawwi lil Muscat biex jibqa' jmexxi lill-Partit Laburista. "Meta sirt Mexxej għidtilna biex inħobbuk u aħna ħabbejnik u ħabbejna lill-familja tiegħek ... imma aħna l-familja tiegħek ukoll u rriduk tibqa' magħna," sostna xi ftit jew wisq emozzjonat u għaċ-ċapċip ta' dawk preżenti.
Cardona jingħaqad ma' oħrajn f'dan l-appell, fosthom Konrad Mizzi li mal-ILLUM qal illi lest jibda kampanja tal-poplu biex Muscat jibqa' jmexxi.
Id-Deputat Mexxej qal illi f'Mejju li ġej il-poplu se jgħid 'no way' lin-'new way'. ''New way', jiġifieri 'mod ġdid', kienet l-għajta tal-Kap tal-Oppozzjoni Adrian Delia qabel ma kien elett fil-pożizzjoni.
"Il-PN qed joħloq theddida għad-demokrazija," sostna Cardona fir-rigward tas-sitwazzjoni interna fil-PN. "Ma ħariġx b'idea waħda li tagħti l-aspirazzjoni lill-poplu, ara Joseph Muscat lill-pensjonant tahom żieda wara oħra..."
Cardona temm jappella lill-Laburisti biex joħroġu jivvutaw u jagħmlu dan bis-saħħa.
'Kif għamilna 25 sena fl-oppożizzjoni nagħmlu 25 fil-Gvern'
"Għamilna 25 sena fl-oppożizzjoni u għandna ċans nagħmlu 25 sena fil-Gvern, jekk inkunu bilgħaqal," sostna l-Ministru Chris Fearne Deputat Mexxej tal-Partit Laburista għall-Affarijiet tal-Parlament.
Huwa qal illi huwa importanti li l-Partit Laburista jkompli fit-triq tas-suċċess, "biex inwettqu l-ħolma li dejjem kellna aħna l-Laburisti, l-ghħan tagħna: li neradikaw il-faqar darba għal dejjem."