San Pawl il-Baħar l-aktar missielta…il-ġirja sal-barkun fil-Mosta u l-Mellieħa (6)

Il-gazzetta ILLUM tkompli bis-serje ta’ artikli dwar ir-riżultati tal-aħħar elezzjonijiet lokali, kif ukoll il-previżjonijiet politiċi għal Mejju

Dan huwa s-sitt artiklu minn sensiela li fihom il-gazzetta ILLUM qed tagħti ħarsa lejn ir-riżultati tal-aħħar tliet elezzjonijiet lokali fil-lokalitajiet kollha Maltin u Għawdxin.

Qed tagħmel dan fid-dawl tal-kuntest politiku li fihom saru dawn l-elezzjonijiet, jekk magħhom kinux saru elezzjonijiet oħra u anke x’effett ħallew kandidati indipendenti jew minn partiti żgħar.

Din il-ġimgħa, l-ILLUM qed tħares lejn il-lokalitajiet li jaqgħu fil-11 u t-12-il distrett fosthom lejn il-lokalitajiet ta’ San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa li ż-żewġ partiti kbar dejjem jissieltu biex jirbħu.

Qed tħares ukoll lejn il-Mellieħa, raħal fejn iż-żewġ partiti huma b’saħħithom ħafna u fejn fl-2008, minkejja li l-Partit Laburista rebaħ il-maġġoranza, il-Partit Nazzjonalista spiċċa eleġġa aktar siġġijiet biex kien hu li mexxa l-kunsill.

L-ILLUM tħares ukoll lejn Ħ’Attard, fortizza Nazzjonalista u lejn l-Imdina fejn għat-tieni darba konsekuttiva, l-elezzjoni tal-kunsill lokali se terġa’ ma ssirx.

Il-ġimgħa d-dieħla jmiss li naqsmu l-fliegu u nagħtu ħarsa lejn il-lokalitajiet Għawdxin.

Ħ’Attard: Fortizza Nazzjonalista u l-Alternattiva żżomm sod

Bħal-lokalità tas-Swieqi, Ħ’Attard tista’ tissejjaħ bħala fortizza qawwija Nazzjonalista. Il-Partit Nazzjonalista dejjem kiseb maġġoranza komda fuq il-Partit Laburista u l-Alternattiva Demokratika, għal dawn l-aħħar snin, irnexxielha tirbaħ u żżomm siġġu wkoll.

L-aħħar tliet elezzjonijiet lokali f’dan ir-raħal li qed jikber saru fl-2007, fl-2012 u fl-2015.

L-elezzjoni lokali tal-2007, saret waħedha sena qabel l-elezzjoni li rebaħ il-Partit Nazzjonalista. Il-Partit Nazzjonalista rebaħ il-kunsill mingħajr ħafna diffikultà b’distakk ta’ 1,500 vot. B’kollox, kiseb 2,855 vot, filwaqt li l-Partit Laburista ġab 1,355 vot.

Ralph Cassar, kandidat tal-Alternattiva Demokratika kien elett wara li kiseb 443 vot u rnexxielu jżomm postu sal-lum.

L-elezzjoni lokali li kien imiss saret fl-2012 u wkoll saret waħedha. Iż-żewġ partiti żiedu l-voti, bid-distakk ikun dak ta’ 1,362 vot. Il-Partit Nazzjonalista kiseb 2,904 voti, il-Partit Laburista 1,582 vot u l-Alternattiva naqset ftit voti iżda żammet is-siġġu wara li kisbet 343 vot.

L-aħħar elezzjoni lokali saret mar-referendum tal-kaċċa u jidher li dan ħalla effett għax aktar nies ħarġu jivvutaw, bil-Partit Nazzjonalista jżid drastikament il-voti.

Il-Partit Nazzjonalista, fl-2012, kiseb 4,351 vot, jew 64.4% tal-voti, filwaqt li l-Partit Laburista kiseb biss 20% tal-voti, jew 1,785 vot. Hekk id-distakk bejn il-partiti l-kbar qabeż għal 2,566 vot.

Fl-istess elezzjoni, l-Alternattiva Demokratika kisbet 492 vot biex Ralph Cassar żamm postu filwaqt li kandidat indipendenti kiseb 127 vot.

Din is-sena x’aktarx li aktar nies se joħorġu jivvutaw ġaladarba x-xahar id-dieħel il-Maltin se jivvutaw f’żewġ elezzjonijiet. Anke jekk iż-żewġ partiti l-kbar żiedu l-voti. F’Ħ’Attard, x’aktarx li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ b’saħħtu, iżda jekk baqax fejn kien, żiedx, jew naqqasx id-distakk, inkunu nafu biss meta jinfetħu l-kaxxi.

L-Imdina: Għat-tieni darba bla elezzjoni

Għat-tieni darba, fl-Imdina mhux se tkun qed issir elezzjoni lokali, hekk kif l-ammont ta’ kandidati huwa l-ammont eżatt kemm għandu siġġijiet il-kunsill.

Fil-fatt, l-aħħar żewġ elezzjonijiet lokali fl-Imdina saru fl-2006 u fl-2009, għax fl-2013 ukoll ma kienx hemm bżonn li ssir elezzjoni għall-istess raġuni ta’ din is-sena.

Kieku kellha ssir elezzjoni xi jkun ir-riżultat? X’aktarx li kien ikun simili għar-riżultati tal-2006 u tal-2009, fejn il-Partit Nazzjonalista dejjem kien fuq quddiem.

L-elezzjoni lokali tal-2006, intrebħet mill-Partit Nazzjonalista li kiseb 151 vot, jew 72% tal-voti, filwaqt li l-Partit Laburista kiseb 33 vot, jew 15% tal-voti. Kandidat indipendenti kien kiseb 12-il vot u kandidat f’isem Azzjoni għall-Imdina kiseb 13-il vot.

Kien imiss elezzjoni lokali oħra fl-2009 u din saret mal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew kif kieku kien se jiġri din is-sena.

Il-Partit Nazzjonalista żamm f’idu l-kunsill tal-belt l-antika wara li kiseb 83% tal-voti, jiġifieri 182 vot, filwaqt li l-Partit Laburista baqa’ kważi fejn kien biex kiseb 37 vot.

La din is-sena, elezzjoni mhux se ssir, hu mifhum li l-Kunsill Lokali tal-Imdina se jkun iffurmat minn:

Peter Joseph Dei Conti Sant Manduka, Joseph Debono, Alfred Barbaro Sant u Camilla Scerri f’isem il-Partit Nazzjonalista u Mary Ann Sultana f’isem il-Partit Laburista.

San Pawl il-Baħar: fejn l-akbar partit huwa ta’ dawk li ma jivvutawx

Għal-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar ma tistax tgħid li l-Partit Nazzjonalista jew il-Partit Laburista għandhom il-maġġoranza għax l-akbar partit f’dan il-lokal kbir huwa ta’ dawk li jibqgħu d-dar u ma joħorġux jivvutaw.

Fil-fatt, fl-aħħar elezzjoni lokali li saret f’dan il-lokal, li jiġbor fih lil Burmarrad, ix-Xemxija, il-Qawra, Buġibba, il-Wardija u anke l-Imbordin, ħarġu jivvutaw biss 8,335 persuna, meta dawk eliġibbli li jivvutaw kienu jammontaw għal 21,202 persuni.

Dan ifisser li għal dan il-kunsill lokali, li spikkaw fih ir-riżenji, ħarġu jivvutaw biss 39% tal-votanti. Iżda din ma kinitx karatteristika biss tal-aħħar elezzjoni lokali, għax anke għal dik li saret fl-2012 ivvutaw biss 35% ta’ dawk li kienu eliġibbli.

Hija wkoll lokalità interessanti għax filwaqt li l-Partit Nazzjonalista għamel żmien jirbaħha b’maġġoranza komda, illum iż-żewġ partiti spiċċaw ras imb ras, saħansitra fl-2012 meta l-Partit Laburista rnexxielu jikseb il-maġġoranza.

Kif din il-gazzetta qed tagħmel bil-lokalitajiet kollha f’Malta u Għawdex, se tħares ukoll lejn l-aħħar tliet elezzjonijiet lokali f’San Pawl il-Baħar, li waħda minnhom seħħet ma’ elezzjoni ġenerali, waħda minnhom saret waħedha u oħra mar-referendum dwar il-kaċċa.

Fl-2008, ir-residenti ta’ San Pawl il-Baħar u l-lokalitajiet li jagħmlu miegħu, ħarġu jivvutaw kemm għall-elezzjoni lokali u anke għall-elezzjoni ġenerali. Fil-fatt, ħdejn it-turn out tal-aħħar żewġ elezzjonijiet lokali, dik is-sena, l-għadd ta’ residenti li ħarġu jivvutaw ma kienx daqshekk baxx, tant li vvutaw 67% ta’ dawk eliġibbli.

Dik is-sena, il-Partit Nazzjonalista kien rebaħ l-elezzjoni lokali b’distakk ta’ 1,226 vot. Il-Partit Laburista kien ġab 3,138 vot (39%), filwaqt li l-Partit Nazzjonalista kiseb 4,364 vot (55%). Kandidati indipendenti kisbu 235 vot, filwaqt li l-Alternattiva Demokratika kisbet 212-il vot.

Iżda d-distakk ingħeleb fl-2012. Dik is-sena, l-elezzjoni lokali saret waħedha. Il-Partit Laburista, anke jekk naqqas il-voti, kiseb 3,019-il vot u rebaħ dan il-Kunsill Lokali u dan wara li l-Partit Nazzjonalista naqqas drastikament il-voti biex kiseb 2,505 voti. Dik is-sena, l-Alternattiva kisbet 134 vot.

Xi jfisser dan ir-riżultat? Jista’ jkun hemm ħafna spjegazzjonijiet. Dan ir-riżultat seta’ kien riflessjoni ta’ dak li kellu jiġri s-sena ta’ wara, meta l-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni ġenerali b’distakk kbir ta’ 36,000 vot.  Iżda l-fatt li l-elezzjoni lokali saret waħedha, jista’ jkun li kellu effett ukoll.

Minn din l-analiżi li qed tagħmel il-gazzetta ILLUM (anke kif rajna f’paġna 7 fil-każ ta’ Ħ’Attard) ħareġ ċar li meta f’lokalità elezzjoni lokali ssir waħedha, hemm tendenza li ħafna Nazzjonalisti jagħżlu li jibqgħu ġewwa u ma joħorġux jivvutaw.

L-aħħar elezzjoni lokali f’San Pawl il-Baħar saret fl-2015, mar-referendum dwar il-kaċċa. Iż-żewġ partiti żiedu fil-voti tagħhom, bil-Partit Nazzjonalista jerġa’ jieħu f’idejh dan il-kunsill b’distakk żgħir ta’ 62 vot. B’kollox, il-Partit Nazzjonalista kiseb 3,701 vot, filwaqt li l-Partit Laburista kiseb 3,639 vot. L-Alternattiva ġabet 275 vot u kandidat indipendenti kiseb 147 vot.

X’se jiġri inqas minn xahar ieħor ħadd ma jaf. Li hu żgur huwa li d-distakk huwa żgħir u l-aħħar kunsill lokali f’din il-lokalità għadda minn taqlib kbir u mewġa ta’ riżenji.

L-ewwel ma rriżenja kien il-Viċi Sindku David Thake wara li bl-aktar mod ċar saħaq li ma jridx jibqa’ jirrappreżenta lill-Partit Nazzjonalista b’Adrian Delia bħala Kap.

Warajh irriżenjaw ukoll Joseph Vella u Robert Piscopo, żewġ kunsilliera oħra eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista u li żammew posthom bħala kunsilliera indipendenti.

It-tnejn li huma kienu indikaw nuqqas serju ta’ qbil mas-Sindku Graziella Galea li wkoll kienet irriżenjat ftit qabel vot ta’ sfiduċja li resaq quddiem il-kunsill.

Minn dan il-Kunsill Lokali kien irriżenja wkoll Matthew Barbara, li kien ġie elett f’isem il-Partit Laburista.

Xi ftit jew wisq, wieħed jistenna li dawn ir-riżenji u t-taqlib se jkollhom l-effett tagħhom f’din l-elezzjoni lokali. Kif rajna fl-aħħar ġimgħat, bħal fil-każ tal-Imtarfa,  kwistjonijiet lokali jaffettaw ħafna r-riżultat fil-lokalitajiet.

Li hu żgur huwa l-fatt li ż-żewġ partiti qed jagħmlu minn kollox biex jieħdu dan il-kunsill f’idhom. Il-Partit Laburista ħareġ diversi kandidati ġodda għal dan il-kunsill, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jimbotta lil Anthony Delia, ħu l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.

Kollox jiddependi minn kemm se joħorġu jivvutaw nies, partikolarment Nazzjonalisti, ġaladarba kif spjegat qabel, għandhom it-tendenza li jibqgħu aktar ġewwa meta jiġu biex jivvutaw għall-kunsill. Madanakollu, din is-sena, l-elezzjoni lokali se ssir ma’ dawk tal-Parlament Ewropew u għalhekk wieħed jistenna li aktar nies joħorġu jivvutaw.

Il-Mosta: iż-żewġ partiti b’saħħithom…kollox jorbot fuq it-turnout

Fil-Mosta wieħed jista’ jgħid li ż-żewġ partiti huma b’saħħithom ħafna fil-voti, tant li mhux l-ewwel darba li ġew ras imb ras u mill-2004 ’l hawn, iż-żewġ partiti mexxew dan il-kunsill ta’ waħda mill-akbar lokalitajiet f’Malta.

L-aħħar tliet elezzjonijiet lokali fil-Mosta saru fl-2007, sena qabel l-elezzjoni ġenerali li rebaħ il-Partit Nazzjonalista, fl-2012, sena qabel l-elezzjoni ġenerali li rebaħ il-Partit Laburista u fl-2015 mar-referendum dwar il-kaċċa.

Fl-elezzjoni lokali tal-2007, li magħha ma saret l-ebda elezzjoni oħra, kien il-Partit Laburista li ġab l-maġġoranza. Fil-fatt, kien kiseb 4,832 vot, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista ġab 4,405 voti u l-Alternattiva 314-il vot.

Dan kien ifisser li l-Partit Nazzjonalista tilef dan il-kunsill li rebaħ fl-2004, jiġifieri fl-istess sena li saret l-ewwel elezzjoni tal-Parlament Ewropew, li l-Partit Nazzjonalista tilef minkejja li kien fl-aqwa tiegħu.

L-elezzjoni lokali li kien imiss ukoll saret waħedha, jiġifieri fl-2012. Din id-darba, il-Partit Laburista rnexxielu jżomm il-maġġoranza b’distakk ta’ 14-il vot biss. Fil-fatt, il-Partit Laburista kiseb 4,842 vot, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista ġab 4,828 vot. L-Alternattiva kisbet 242 vot u kandidat indipendenti 90 vot.

Fl-2015 l-elezzjoni ma saritx waħedha iżda mar-referendum dwar il-kaċċa. Ħarġu jivvutaw 74% ta’ dawk eliġibbli u l-folja nqalbet biex il-kunsill Mosti reġa’ għadda f’idejn il-Partit Nazzjonalista li rebħu b’distakk ta’ 519-il vot.

Il-Partit Nazzjonalista żied drastikament fil-voti biex kiseb 6,350 vot, filwaqt li l-Partit Laburista żied ukoll biex kiseb 5,831 vot.

Nistennew li din is-sena jivvutaw ħafna Mostin ukoll ġaladarba l-elezzjoni lokali se ssir ma’ dik tal-Parlament Ewropew kif se jibqa’ jiġri dejjem.

Iż-żewġ partiti qed iżidu fil-voti tagħhom u huma b’saħħithom. Id-distakk ċkien u nqaleb fi ftit snin, għalhekk għall-Mosta wieħed jista’ biss jistenna u jara x’se jiġri.

Il-Mellieħa: is-siġġijiet importanti daqs l-ewwel preferenza

Il-Mellieħa hija lokalità interessanti ħafna għall-fatt li ma hemmx distakk kbir bejn iż-żewġ partiti, tant li fl-2008, minkejja li l-Partit Laburista kiseb il-maġġoranza tal-voti, minħabba s-sistema tal-wirt tal-voti, il-Partit Nazzjonalista eleġġa aktar siġġijiet u spiċċa biex iggverna hu.

L-aħħar tliet elezzjonijiet lokali f’dan ir-raħal pjuttost kbir, saru fl-2005, fl-2008 u fl-2013, bil-Partit Laburista jikseb dejjem il-maġġoranza tal-voti.

Fl-2005, l-elezzjoni lokali saret waħedha u  l-Partit Laburista kiseb 55% tal-voti fil-Mellieħa. B’kollox il-Partit Laburista kiseb 2,196 vot, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista kiseb 1,656 vot. L-Alternattiva Demokratika kisbet 131 vot.

L-elezzjoni lokali li kien imiss saret ma’ dik ġenerali tal-2008. Din id-darba, iż-żewġ partiti żiedu fil-voti tagħhom, iżda d-distakk kien ta’ 158 vot biss. B’kollox il-Partit Laburista ġab il-maġġoranza u rebaħ 2,706 voti, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista kiseb 2,548 vot.

Ġara li minkejja li l-Partit Laburista rebaħ il-maġġoranza tal-ewwel preferenza, il-Partit Nazzjonalista, minħabba s-sistema elettorali tal-wirt tal-voti, tella’ aktar siġġijiet tant li mexxa dan il-kunsill għal ħames snin.

Is-Sindku li mexxa dan il-Kunsill kien Robert Cutajar (illum Deputat Nazzjonalista) anke jekk John Buttigieg (kandidat Laburista) ġab 239 vot aktar. 

L-aħħar elezzjoni lokali fil-Mellieħa saret fl-2013 mal-elezzjoni ġenerali li rebaħ il-Partit Laburista. Il-Partit Laburista reġa’ żied il-voti u kiseb 3,170 vot, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista kiseb 2,891 vot biex id-distakk tela’ għal 279 vot.

Għall-Mellieħa, forsi aktar minn lokalitajiet oħra, kull vot jgħodd. Wieħed jistenna u jara x’se jiġri fl-elezzjoni lokali li jmiss. Iż-żewġ partiti dejjem żiedu fil-voti tagħhom, iżda x’aktarx li din is-sena, inqas nies se joħorġu jivvutaw ġaladarba l-elezzjoni lokali tal-25 ta’ Mejju se ssir ma’ dik tal-Parlament Ewropew u mhux ma’ elezzjoni ġenerali.

More in Politika