Meta kien qed jirrispondi għall-mistoqsijet tal-ġurnalisti l-PM Joseph Muscat dalgħodu sostna illi dak li ġara ilbieraħ bid-deċiżjoni tal-Maġistrat Doreen Clarke turi illi l-investigazzjonijiet dejjem isiru, "ma kien hemm l-ebda tip ta' ħabi dwar dan kollu."
Mistosqsi jekk hux se jitlob għar-riżenja tal-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff fl-Uffiċċju tiegħu Keith Schembri huwa fakkar illi dak li ġara lbieraħ ifisser illi se jkun hemm kontinwazzjoni ta' proċess li kien diġa' beda.
"Ladarba jkunu konklużi l-proċeduri mbagħad naraw min qed jgħid il-verita," sostna Muscat.
Dwar il-fatt li l-Gvern appella, l-PM qal li mhux il-Gvern biss jappella, anke ħaddieħor jappella "u meta ħaddieħor jappella ħadd ma jgħid li qed jipprova jwaqqaf il-ġustizzja milli sseħħ."
"Nistennew dak li se tgħid il-Maġistrat," temm jgħid il-Prim Ministru.