Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia, ħabbru dettalji dwar il-proġett tar-riġenerazzojni ta’ Wied il-Qlejgħa, jew kif inhu magħruf, Chadwick Lakes – proġett b’investiment ta’ €5 miljun li mistenni jibda fil-ġimgħat li ġejjin.
Dan il-proġett, li huwa mmexxi mill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma fi ħdan il-Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma, u konfinanzjat minn fondi Ewropej, jinkludi studji, xogħlijiet u installazzjonijiet edukattivi.
Il-Ministru Joe Mizzi spjega li l-istudji idroloġiċi u ambjentali fuq dan il-wied, li huwa wieħed mill-iktar widien importanti u sensittivi, ilhom għaddejjin għal dawn l-aħħar sentejn. “Is-suċċess ta’ dan il-proġett se jitkejjel minn kemm se jirnexxielna nirriġeneraw l-ekosistema naturali tal-wied, biex min jiġi f’dan il-post ikun jista’ jgawdi u jesperjenza l-ambjent tipiku Malti fl-aqwa tiegħu”, qal il-Ministru Mizzi. Huwa ta garanzija li l-proġett ma jinvolvi l-ebda bini ġdid madwar il-wied. L-interventi tal-proġett huma intiżi biex jiġu riġenerati l-istrutturi storiċi tal-wied u l-ambjent naturali tiegħu.
Permezz ta’ dan il-proġett ser tinħoloq żona fejn il-familji jgawdu l-ambjent tipiku Malti. Il-proġett ser jinkludi installazzjonijiet edukattivi li jkomplu jivvalorizzaw l-għarfien fuq is-sistema tal-wied, il-flora u l-fauna, li jsostnu wkoll l-istrutturi storiċi bħall-ilqugħijiet tal-ilma. Dawn iż-żoni ser ikunu integrati fir-riġenerazzjoni tal-ġnub tal-wied biex filwaqt li jservu bħala postijiet ta’ mistrieħ, iservu wkoll għal skop edukattiv sabiex ikomplu jwessgħu l-apprezzament għall-ambjent naturali ta’ pajjiżna.
Il-Ministru Joe Mizzi ħabbar ukoll li bħala parti mill-proġett, se tintuża binja storika tas-seklu dsatax li ser tigi riġenerata f’ċentru edukattiv dwar il-wied. Il-proġett qed jara wkoll li tittejjeb l-aċċessibilità għal din il-parti tal-wied fejn ser jinħoloq aċċess kontinwu tul il-wied.
Huwa qal li se jitnaddfu l-ewwel żewġ ilqugħ tal-wied, u b’hekk tissaħħaħ il-kapaċità ta’ lqugħ ta’ ilma fil-wied. “B’hekk, se nkunu qed nerġgħu nistabbilixxu volum effettiv ta’ madwar 40 miljun litru fejn jinħażen l-ilma tax-xita fil-wied. Din il-ħażna ta’ ilma ser tkun tista’ ssostni l-attivitajiet agrikoli tal-madwar tal-wied, li għalhekk ikunu jistgħu jnaqqsu d-dipendenza tagħhom fuq sorsi oħra ta’ ilma.” Il-Ministru Mizzi rringrazzja lill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma u lill-Planning and Priorities Coordination Division fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali tal-għajnuna tagħhom f’dak li għandu x’jaqsam mal-amministrazzjoni tal-proġett.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Socjali Aaron Farrugia qal li wasal iż-żmien biex niffukaw il-ħidma tagħna fuq iktar spazji miftuħa, l-ambjent, u l-wirt kulturali naturali ta’ pajjiżna. Issa li pajjiżna laħaq livelli għolja fejn jidħol xogħol, drittijiet ċivili, u servizzi soċjali permezz ta’ tkabbir ekonomiku bla preċedent, il-pass li jmiss hu li nkomplu ninvestu fil-kwalità tal- ħajja tan-nies u f’niċeċ ġodda tat-turiżmu. “Dan l-investiment qed isir biex il-ġenerazzjonijiet li ġejjin u t-turisti jgawdu l-wirt storiku Malti li joħodna lura għal żminijiet Puniċi. Huwa importanti wkoll għal Malta minħabba li huwa s-sit tat-tieni l-ikbar catchment tal-ilma f’pajjiżna. Mhux biss qed niġġeneraw dan il-post, iżda se naħdmu bħala Gvern biex bil-fondi diretti nmantnu u nsostnu dan is-sit tant importanti”, qal is-Segretarju Parlamentari Farrugia.