'Iċ-ċekkijiet li qassam il-Gvern huma insult' - Adrian Delia
Adrian Delia kkritika wkoll il-fatt li l-Gvern qassam dawn iċ-ċekkijiet lejlet elezzjoni
minn Yendrick Cioffi
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia saħaq li ċ-ċekkijiet li qassam il-Gvern fl-aħħar ġimgħat huma ‘insult’ għax fi kliemu qed iqassam lura dak li ħa żejjed flok jara kif se jirranġa s-sistema tat-taxxa f’pajjiżna biex tinċentiva aktar lin-nies.
Adrian Delia qal dan waqt li kien qiegħed jġi intervistat dalgħodu fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista.
Delia kien qiegħed jitkellem dwar l-ekonomija u kif fi kliemu l-Gvern naqas milli jqassam b’mod ekwu l-ġid li qed joħloq il-pajjiż.
Kien hawn li għamel referenza għaċ-ċekkijiet li qassam il-Gvern fl-aħħar ġimgħat, bil-Kap Nazzjonalista jiddeskrivihom bħala insult.
“Jeħodlok €1,000 u jagħtik lura €40,” insista Delia waqt li kkritika wkoll il-fatt li l-Gvern qassamhom lejlet elezzjoni. "Dan mhux populiżmnu," kompla jgħid, waqt li tkellem dwar il-fatt li Malta rreġistrat l-inqas żieda fil-pagi fl-Unjoni Ewroepa filwaqt li s-saħħa tal-pagi qed tiċkien meta wieħed iqis li qed togħla l-ħajja u jiżdiedu l-prezzijiet tal-kirjiet, fost oħrajn.
'Il-Gvern falla milli jsib mod kif iqassam il-ġid li qed jinħoloq'
Tul l-intervista tiegħu, Adrian Delia tkellem fit-tul dwar l-ekonomija waqt li insista li l-Gvern falla milli jsib il-mod kif filwaqt li jkabbar l-ekonomija u joħloq il-ġid, iqassam l-istess ġid b’mod ekwu bejn kulħadd.
“Dan mhuwiex is-suċċess tal-Gvern iżda huwa s-suċċess tan-negozju li ħoloq il-Partit Nazzjonalista,” saħaq Adrian Delia.
Kien hawn li Delia insista li l-istruttura prinċipali li wasslet għat-tkabbir ekonomiku ħoloqha l-Partit Nazzjonalista u kabbruha n-negozji, għall-kuntrarju, qal li l-Partit Laburista baqa' ma ħoloqx setturi ġodda.
Delia mill-ġdid isemmi l-abort u jisħaq li l-PL iffirma manifest li jaqbel mal-abort
Ma qagħadx lura milli jitkellem dwar l-abort, kwistjoni li l-Partit Nazzjonalista qiegħed kontinwament itambar fuqha tul din il-kampanja elettorali.
Waqt li tenna li din mhijiex elezzjoni bejn il-partiti politiċi, Adrian Delia fakkar li quddiemu l-poplu għandu għażla biex jagħżel sitt rappreżentanti fil-Parlament Ewropew.
Huwa fundamentali li l-Gvern jibda jieħu l-ekonomija bis-serjetà u jibda jagħmel l-affarijiet għax huma tajbin u mhux biex jirbaħ il-voti
Kien hawn li fakkar li rrappreżentanti tal-Partit Laburista jpoġġi mal-Partit Soċjalista fil-Parlament Ewropew li fi kliemu, iddikjara li huwa favur l-abort.
“Qed nivvutaw ukoll għal rappreżentanza fi grupp li jridu l-abort,” insista Adrian Delia waqt li fakkar ukoll li l-Partit Laburista Malti ffirma l-manifest tal-Grupp Soċjalista.
'Dak li ilni ngħid jiena issa qed jgħidu l-Gvern'
Kompla jtenni wkoll dak li f’kull konferenza li qed jorganizza l-Partit Nazzjonalista, qed jiffoka fuqu, jiġifieri li skont il-PN, il-Gvern ma għandux pjan u kien hawn li miss ma’ diversi oqma, fosthom l-ambjent, in-negozju u l-biedja.
“Il-Ministru Scicluna tani raġun. Dak li ilni ngħid jiena issa qed jgħidu l-Gvern,” qal Delia b’referenza għal dak li qal il-Ministru Scicluna jiem ilu, jiġifieri li t-tkabbir ekonomiku għandu jonqos għax ċertu setturi ma kinux ippreparati għalih.
Fi kliem Delia, l-uniku pjan li kellu l-Gvern kien li jkabbar kemm jista’ jkun il-ġid, iżda saħaq li dan ma kienx sostenibbli.
“Huwa fundamentali li l-Gvern jibda jieħu l-ekonomija bis-serjetà u jibda jagħmel l-affarijiet għax huma tajbin u mhux biex jirbaħ il-voti,” insista Delia.
'Irridu li l-ambjent ikun fiċ-ċentru ta' kull deċiżjoni li nieħdu'
Tkellem dwar l-ambjent u insista li l-Partit Nazzjonalista jaqbel li l-pajjiż ikollu biss karozzi li ma jniġġsux. Waqt li din hija wiegħda wkoll tal-Gvern Laburista, Delia insista li l-Partit Nazzjonalista għandu l-ambizzjoni li jwettaqha.
“Għandna ambizzjoni kbira ħafna li nkunu fuq quddiem nett fl-enerġija alternattiva. Għall-Gvern l-enerġija tfisser biss kuntratti moħbija,” insista Delia waqt li insista li Gvern Nazzjonalista jpoġġi l-ambjent fil-qalba ta’ kull deċiżjoni li jieħu.
Waqt li kompla jisħaq li l-Gvern ma għandux pjan, Delia insista li anke l-iskart jista’ jkun sors ta’ enerġija.
“Kif tista’ ma tiġikx f’moħħok li jekk se żżid il-kostruzzjoni se żżid l-iskart,” saħaq Delia waqt li insista li kieku l-Gvern ippjana kien jinvesti f’teknoloġija li tkun kapaċi tuża dan l-iskart għall-enerġija.
'Ma nistgħux nibqgħu nżidu 12,000 persuna fis-sena'
Bla dubju tkellem ukoll dwar il-barranin, kwistjoni li l-Partit Nazzjonalista jsib kull okkażjoni biex jitkellem dwarha, b’Delia jtenni li l-pajjiż ma jiflaħx għal ammont indefinit ta’ nies.
“Ma nistgħux nibqgħu nżidu 12,000 fis-sena,” qal Delia waqt li insista li qiegħed jirreferi għall-barranin kollha, ġejjin minn fejn ġejjin u hi x’inhi r-razza tagħhom. “Anke jekk jiġu l-Maltin kollha li hemm fl-Awstralja jkollna problema. Il-popolazzjoni tista’ tikber bil-mod iżda mhux f’salt.”
Il-PN qed jaħdem fuq pjan biex kulħadd ikollu saqaf fuq rasu
Tkellem ukoll dwar il-kirjiet u l-prezzijiet tal-propjetà, b’Delia jisħaq li l-Partit Nazzjonalista qed jaħdem fuq pjan preċiż li kull persuna jkollha saqaf fuq rasha.
Tul l-intervista, tkellem fit-tul dwar il-biedja u saħaq li l-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew se jaħdem biex jassigura li l-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda jirċievu l-għajnuna kollha possibbli waqt li insista li l-Partit Nazzjonalista determinat li jsaħħaħ il-prodott lokali.